Lokali

Xogħol ta’ preġju li jmur lura għall-perjodu tal-Assedju l-Kbir

“Din il-pittura hija eqdem mill-Knisja tal-Gudja” – b’dan il-kliem laqgħna l-Amminstratur tal-Fratellanza tar-Rużarju fil-Gudja, Randolph Micallef, hekk kif il-Ħadd filgħodu Net News żar il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Marija fil-lokalità tal-Gudja fejn hemm stajna nammiraw waħda mill-eqdem pitturi ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju.

Micallef spjegalna li din il-pittura magħmula lejn l-aħħar tas-sittax-il seklu kienet proprju fil-Knisja ta’ Bir Miftuħ fejn sussegwentament kienet trasferita lejn il-Knisja tal-Gudja; liema pittura għadha kemm ġiet restawrata ftit tal-ġimgħat ilu.

Pittura li ċertament għandha preġju storiku kbir – bl-id wara dan ix-xogħol artistiku għandha l-influwenza ta’ Gaspare Bazzano u Giuseppe Salerno – artisti minn Sqallija

Randolph Micallef spjegalna r-rabta li din il-pittura għandha proprju mal-Assedju l-Kbir tant li f’waħda mill-posti hemm saħansitra mpittra l-bandiera bin-nofs qamar tat-Torok. Iżda mhux biss, hekk kif tirrafigura wkoll diversi persunaġġi fosthom San Duminku, San Girgor, Santa Katerina u San Ġorġ Martri.

Ir-restawr tal-kwadru twettaq f’kollaborazzjoni bejn il-Fratellanza tar-Rużarju, is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Parroċċa tal-Gudja flimkien ukoll mal-Kunsill Malti għall-Arti bl-induratura ko-finanzjata  mid-Deputat Mark Anthony Sammut.

Randolph Micallef spjegalna wkoll dan ix-xogħol kemm huwa ta’ unur għalihom li jinsab fi ħdan il-Parroċċa tagħhom. Huwa spjega wkoll li grazzi għal dan ir-restawr saħansitra ħareġ xogħol ieħor li kien moħbi mill-artist.

Hekk ukoll l-Arċipriet tal-parroċċa, Dun Norman Zammit li saħaq ma’ Net News dwar kemm hija ta’ xorti tajba li minn fost il-pitturi li ttellgħu minn Bir Miftuħ din hija l-unika waħda li għadha tista’ titgawda minn dawk kollha li jistgħu jmorru iżuruha.

Huwa saħaq li fl-aħħar snin qed isir xogħol estensiv fuq il-pitturi madwar il-Knisja grazzi wkoll għas-sehem siewi tal-għaqdiet Gudjani.