Lokali

Editorjal Times: “Sar partit li għandu l-polz tan-nies”

“Ftit iżjed minn xahar fit-tmexxija u l-Partit Nazzjonalista f’salt wieħed qed jidher aktar bħala partit li għandu l-polz tan-nies.”

Hekk iddikjara l-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta, wara li ppubblika stħarriġ li kkonferma trend kostenti – fejn id-distakk bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista issa niżel għal 5%.

Bit-Times tgħid illi dan juri biċ-ċar li f’temp ta’ ftit ġimgħat biss, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, irnexxielu jġib bidla u enerġija pożittiva li tagħti tama lin-nies li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jkun il-Gvern alternattiv.

Fl-istess editorjal, intqal illi s-survey li ġie ppubblikat juri anke l-għaqda ġdida li ġab Alex Borg fi ftit iżjed minn xahar. U wara li l-Partit Laburista ilu tnax-il sena fil-Gvern, jidher li kollox se jinbidel.

Fl-età ta’ 30 sena, Alex Borg jirrappreżenta bidla ġenerazzjonali. U l-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali għenitu jattira lejh liż-żgħażagħ.

Iżda fl-istess waqt, l-editur ifakkar li 16.3% ta’ dawk li pparteċipaw fis-survey qalu li kieku kellha ssir elezzjoni fl-eqreb żmien, ma jivvutawx – ċifra li propju tista’ tiddetermina l-gvern li jmiss.

Il-futur tal-politika Maltija jista’ jkun f’idejn dawn il-votanti indeċiżi u diżillużi, li ħafna minnhom iħossuhom frustrati mill-iżvilupp żejjed, id-degradazzjoni ambjentali, u l-arroganza politika.


Finalment, l-editorjal temm jgħid li l-istħarriġ riċenti jindika li l-Partit Laburista m’għadux dominanti daqs kemm kien qabel ma ġie elett Alex Borg fit-tmexxija – fatt li l-Kap tal-PN żgur li se jibqa’ jibni fuqu.