Internazzjonali

Ġlied f’Gaza bejn forzi tas-sigurtà tal-Hamas u membri tad-Dugmush

Mill-inqas 27 persuna nqatlu fi ġlied f’Gaza bejn uffiċjali tas-sigurtà tal-Hamas u membri tal-familja Dugmush, f’wieħed mill-aktar kunflitti vjolenti, interni, mill-irtirar tas-suldati Iżraeljani.

Dan il-ġlied inqala’ meta 300 persuna mill-armata tal-Hamas daħlu fi blokka ta’ appartamenti biex ikeċċu grupp armat ta’ Dughmush. Ir-residenti ddiskrivew xeni ta’ paniku hekk kif familji sħaħ ħarrbu minn darhom meta nfetaħ in-nar fuqhom. Dawn il-familji kienu ilhom jaħarbu minn rifuġju għall-ieħor biex isibu kenn.

“Din id-darba n-nies ma kenux qed jaħarbu minn attakki Iżraeljani, iżda minn nieshom stess”, qal wieħed mir-residenti.

Persuni armati tal-Hamas sparaw lill-ġellieda tal-klans ħdejn il-blokka ta’ appartamenti li kien jintuza bħala sptar tal-Ġordan. Tmien suldati tal-Hamas inqatlu hekk kif infetaħ in-nar fuqhom, filwaqt li mietu 19 membri tal-klan ta’ Dughmush.

Iż-żewġ naħat akkużaw lil xulxin fuq min verament beda l-ġlied. Il-Hamas irrappurtaw li l-familja-klan ta’ Dugmush qatlu tnejn minn tagħhom, u kien dan li wassal għall-attakk ta’ Hamas kontra l-familja.

Il-Hamas sejħu lura 7,000 membri mill-forzi tas-sigurtà tagħhom sabiex jieħdu kontroll f’zoni li reċentement ġew evakwati mit-truppi Iżraeljani. Skont rapporti, jirriżulta li l-Hamas diġà poġġew uffiċjali tagħħhom f’diversi distretti, uħud lebsin l-uniformijiet blu waqt li oħrajn libsin ħwejjeġ normali li jilbsu ċ-ċivili. Madankollu l-uffiċċju tal-midia tal-Hamas innega li qiegħed ipoġġi suldati tiegħu fit-toroq.