Lokali Qorti

Identifikati tliet dati biex jixhed Jeremy Harbinson

Il-Qorti tal-Maġistrati identifikat id-19 ta’ Novembru, l-24 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru bħala tliet dati possibbli li se jintbagħtu lill-awtoritajiet Ġudizzjarji tar-Renju Unit, bil-għan li l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson, ikun jista’ jixhed permezz ta’ video conference.

L-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali informa lill-Qorti dalgħodu li l-awtoritajiet tar-Renju Unit talbu li tinstab data konvenjenti sabiex dawn ikunu jistgħu ibagħtu għal Harbinson biex jixhed. Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex hekk kif jiġu magħrufa d-dettalji tal-post minn fejn Harbinson se jixhed, dawn jitwasslu immedjatament lill-avukati tad-difiża.

Jeremy Harbinson, espert Irlandiż, ġie identifikat mill-esperti l-oħra kollha bħala l-awtur ewlieni tar-rapport tal-inkjesta Vitals, li swiet €11-il miljun. Harbinson kien irrifjuta li jixhed fil-proċeduri li qed isiru fil-Qorti Maltija dwar l-istess inkjesta.

Fid-dawl ta’ din iċ-ċaħda, il-Qorti kienet talbet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jikkoordina mal-awtoritajiet tar-Renju Unit biex Harbinson ikun jista’ jixhed bil-vidjokonferenza minn hemmhekk, sabiex il-proċeduri tal-inkjesta jkunu jistgħu jkomplu.