Lokali Parlament

Il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet milquta mit-turiżmu għandhom jingħataw prijorità

Graziella Galea, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet fil-parlament li l-ħtiġijiet tal-lokalitajiet milquta mit-turiżmu għandhom jingħataw prijorità.

Graziella Galea tkellmet dwar San Pawl il-Baħar u qalet li din llum hi l-ikbar lokalità f’Malta. Hi semmiet ukoll il-Mellieħa u sostniet li din hi lokalità b’ħafna sfidi bħal-lokalitajiet turistiċi l-oħra.

Graziella Galea sostniet li qed jinħolqu sfidi għar-residenti li joqgħodu f’lokalitajiet turistiċi u qalet li fosthom hemm storbju u attività kummerċjali intensiva, skart, sigurtà u vandaliżmu fuq l-infrastruttura. L-ilmenti tar-residenti mhumiex kontra t-turisti iżda dwar nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ħtiġijiet tat-turiżmu u l-komunità.

Dwar l-impatt tat-turiżmu, Graziella Galea qalet li t-turiżmu qed iħalli diversi impatti negattivi partikolarment fl-attivitajiet ta’ divertiment matul il-lejl.

Hi appellat għal iktar nfuzar dwar l-ilbies tat-turisti fil-lokalitajiet għaliex dan ikollu impatt negattiv. Jeħtieġ li ma jkunx hemm konflitti bejn ir-residenti u t-turisti, sostna Graziella Galea, li semmiet il-kontribuzzjoni ta’ 50ċ kull lejl sa massimu ta’ €5. Dan ifisser eluf ta’ ewros kuljum.

Hi pproponiet li dawn il-fondi jkunu allokati lill-kunsilli lokali biex isir l-investiment fiż-żoni turistiċi. Din it-taxxa għandha tintuża wkoll biex jiżdied l-infurzar u jkun żgurat monitoraġġ kontra l-abbuż. L-investiment għandu jerġa’ jsir fl-istess lokal minn fejn ikunu inġabru.

Jeħtieġ koordinazzjoni u responsabbiltà ċara bejn il-ministeri, sosniet id-deputat Nazzjonalista, li appellat biex titranġa l-Bajja tax-Xemgħa f’San Pawl il-Baħar.