Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad it-talba ta’ raġel akkużat bi qtil biex ċertu provi u xhieda ma jissemmewx fil-ġuri

Jason Galea ta’ 50 sena minn Birżebbuġa, li flimkien ma’ Ronald Urry jinsab mixli bil-qtil ta’ Matthew Zahra fl-2012, ressaq diversi talbiet quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, biex ċerti provi u xhieda ma jissemmewx fil-ġuri kontrih.

Huwa sostna li dawn jistgħu joħolqu preġudizzju fil-konfront tiegħu u jċaħħduh mid-dritt għal smigħ xieraq, madankollu l-Qorti ċaħdet kull waħda mit-talbiet tiegħu. Wieħed mill-argumenti prinċipali ta’ Galea kien li l-istqarrijiet tiegħu u tal-allegat kompliċi tiegħu Ronald Urry ttieħdu mingħajr preżenza ta’ avukat, u għalhekk, skontu, kellhom jitneħħew bħala provi.

Madankollu, l-Imħallef Camilleri osserva li dawn l-istqarrijiet ittieħdu skont il-liġi applikabbli dak iż-żmien, li kienet tippermetti li l-akkużat jagħżel jekk jużax jew le d-dritt għal avukat. Fil-fatt, Galea kien ingħata din l-opportunità iżda għażel li ma jagħmilx użu minnha.

Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda prova li saritlu pressjoni jew li kien f’xi stat ta’ vulnerabbiltà meta għamel l-istqarrijiet. Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li l-istqarrijiet jibqgħu ammissibbli, filwaqt li l-Imħallef li jippresiedi l-ġuri jkollu jiggwida lill-ġurati dwar kif għandhom jivvalutawhom.

Galea sostna wkoll li għandu jitneħħa kull referenza għall-qtil ta’ Mario Camilleri, magħruf bħala L-Imnieħru, u ta’ ibnu, li huma każ separat li fuqu Galea qed jiffaċċja akkużi oħra. Skont id-difiża, il-preżentazzjoni ta’ dawn id-dettalji u tar-ritratti tal-katavri tista’ tixxokkja lill-ġurija u toħloq preġudizzju.

Il-Qorti madankollu osservat li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Zahra kienet bdiet propju meta nstabu l-katavri ta’ Camilleri, u għalhekk dawn iċ-ċirkostanzi għandhom rilevanza diretta għall-każ. Rigward ir-ritratti, l-Imħallef Camilleri sostna li għandu jkun il-ġudikant tal-ġuri li jiddeċiedi liema ritratti għandhom jintwerew skont jekk humiex relevanti, mhux jekk humiex ta’ natura li jista’ jkollhom impatt emozzjonali fuq il-ġurati.

Punt kontroversjali ieħor kien ix-xhieda ta’ Alfredo Attard, sid l-għalqa fil-Qajjenza f’Birżebbuġa fejn instabu l-katavri. Attard, li kien qed isofri minn marda terminali u ngħata protezzjoni biex jixhed, kien qal li għen biex jitfgħu d-demel fuq il-katavri sabiex jiddikomponu aktar malajr u ħaraq il-fdalijiet, għal ħlas ta’ €390 minflok is-somma ta’ €7,000 li kienet ġiet imwiegħda.

Wara l-mewt tiegħu, Galea talab li din ix-xhieda titneħħa għax ma setax isirlu kontra-eżami. Il-Qorti qablet mal-Avukat Ġenerali li d-difiża kienet ingħatat iċ-ċans tagħmel il-kontro-eżami meta x-xhud kien għadu ħaj, iżda għażlet li tirriservah għal aktar tard. Issa li x-xhud miet, ir-responsabbiltà għal dan l-għażla trid iġorrha d-difiża, u għalhekk ix-xhieda tibqa’ valida u ammissibbli.

Fl-aħħar, Galea talab ukoll li titneħħa kull referenza għall-ġiżirana li nstabet fuq il-katavru ta’ Zahra, billi l-oġġett ma għadux fil-pussess tal-Pulizija u għalhekk ma jistax jiġi eżaminat minn espert. Il-Qorti, wara li qieset ix-xhieda kollha dwar dan l-element, ikkonkludiet li l-kwistjoni ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tal-prova imma l-valur tagħha, u għalhekk din ukoll ma setgħetx titneħħa.

B’hekk, l-Imħallef Neville Camilleri ċaħad l-eċċezzjonijiet kollha mressqa minn Jason Galea u ddeċieda li l-provi kollha jistgħu jiġu ppreżentati waqt il-ġuri. Il-Qorti enfasizzat li għandha tkun il-ġurija, taħt id-direzzjoni tal-Imħallef tal-proċess, li tiddetermina kemm dawn il-provi huma rilevanti u kredibbli fil-kuntest tal-akkużi serji li Galea qed jiffaċċja.

Din id-deċiżjoni tikkonferma l-prinċipju li smigħ xieraq ma jfissirx esklużjoni ta’ prova relevanti, iżda li kull element għandu jitqies b’mod ġust u trasparenti mill-ġurati li se jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat.