Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin inkwetat dwar il-possibbiltà li l-Ukreni jingħataw il-missili Tomahawk

Ir-Russja tinsab ansjuża dwar il-futur wara li sar magħruf li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jikkunsidra li jipprovdi lill-Ukrajna bil-missili Tomahawk għal fuq id-distanzi twal …Pass li, fi kliem Trump, għandu jirrappreżenta ‘pass ġdid ta’ aggressjoni’ fil-gwerra tal-Ukrajna mar-Russja.

Dawn l-indikazzjonijiet xejn ma niżlu tajjeb f’Moska, fejn Dmitry Peskov, bħala l-kelliem għall-Kremln, sostna li din l-issue tat-Tomahawks qed tħasseb bil-kbir lill-Gvern  tiegħu. Fil-fatt, Peskov qal li dawn huma mumenti ferm drammatiċi fi żmien meta t-tensjoni qed tiżdied minn kull naħa.

Il-Kremlin, intant, jinsab attent ħafna għall-iżviluppi u meta Trump qed iħalli l-għażla miftuħa…Fl-istess ħin, il-President Amerikan qed jidher aktar dispost li jgħin lill-Ukreni wara l-aħħar telefonata bejnu u l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky…Telefonata li fiha, Zelensky talab għall-kapaċitajiet militari aktar b’saħħithom għall-kontra-attakki fuq ir-Russja li qed tippersisti bil-gwerra minkejja l-istqarrijiet li lesta tissieħeb f’rawnd ġdid ta’ negozjati għall-paċi.

Ir-Russja, qabel, kienet wissiet lill-Istati Uniti biex ma tipprovdix il-missili għal fuq distanzi twal lill-Ukrajna, minħabba l-potenzjal li jeskala l-konflitt fl-artijiet Ukreni, li ilu għaddej minn Frar tal-2022. Intant, ftit hemm dubju li r-relazzjonjiet bejn Washington u Moska għandhom jaqilbu sew għall-agħar f’każ li l-Ukreni jirċievu t-Tomahawks.

Il-missila Tomahawk twassal fuq distanzi ta’ mhux aktar minn 2,500 kilometru u li jfisser li l-Ukreni jkunu jistgħu jolqtu faċiliment l-ibliet tar-Russja. Intant, mhux eskluż li Trump,’il quddiem, kapaċi jiddiskuti mar-Russja dwar it-talba tat-Tomahawks min-naħa tal-Ukreni.