Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, bdiet tisma’ l-provi fil-ġuri ta’ Jason Borg, ta’ 47 sena minn Birkirkara, b’rabta ma’ akkuża serja ta’ pussess aggravat ta’ droga eroina, fl-ammont ta’ 1.2 kilo.
Il-każ oriġina minn rejd li sar fid-19 ta’ Settembru 2017 fl-inħawi tal-istalel tal-Marsa mill-Iskwadra kontra d-Droga, fejn instab ammont ta’ eroina kellu purità baxxa, iżda b’valur tas-suq li jvarja bejn €72,000 u €93,600.
L-eroina nstabet f’borża bajda li, skont l-akkużat, kienet ingħatatlu minn Nicholas Farrugia lejlet ir-rejd. Il-Pulizija sabet ukoll diversi oġġetti relatati mat-teħid tad-droga, fosthom tank tal-ħadid b’reżidwi ta’ sustanzi narkotiċi u tagħmir ieħor. Farrugia għandu jgħaddi ġuri fil-futur b’rabta ma’ dan il-każ.
Borg, li kien preżenti fir-remissa tiegħu fi Triq l-Istalel, magħrufa bħala “Jockey’s Lane”, allegatament kellu wkoll ċerta oġġetti ta’ valur u apparat elettroniku li qal li kienu tħallew għandu minn mara jisimha Shana Farrugia, it-tfajla ta’ Farrugia li sussegwentement ġiet arrestata fil-viċinanzi, u li wkoll qed tistenna biex tgħaddi ġuri b’rabta mal-każ.
Borg, li jaħdem bħala kuċċier tal-karrozzin li qed jiġi akkużat b’pussess aggravat ta’ eroina, kien ġie arrestat tmien snin ilu flimkien mal-koppja. Waqt is-smigħ tal-provi tal-bidu, il-prosekuzzjoni qalet li l-eroina kienet ippakkjata fi 12-il qartas li fihom kien hemm madwar 100 gramma l-waħda.
L-espert tal-Qorti Emanuel Sinagra fil-Qorti kien spjega li s-sustanza eroina fi Triq l-Istalel kienet tammonta għal 1.2kg, b’purità ta’ bejn 0.2% u 0.5%. Il-Pulizija qalet ukoll li “matul l-arresti, il-post fejn instabu xi wħud minn dawn il-persuni kien ħa n-nar, iżda bl-intervent immedjat kemm tal-Pulizija kif ukoll tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, dawn il-persuni kif ukoll xi annimali li kienu fil-post ġew salvati.”
Ħadd mit-tliet persuni li kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ ma ġie mixli bi ħruq fuq il-post. Il-persuni arrestati b’rabta mar-rejd kien twettaq mill-Iskwadra Droga, it-Taqsima ta’ Intervent Speċjali, it-Taqsima tal-Klieb u l-Pulizija tad-Distrett f’għelieqi fi Triq is-Serkin, il-Marsa. Imexxi l-investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ kienet saret mill-Ispettur Gabriel Micallef,
L-eroina ġiet ikkonfermata bħala tali minn esperti forensiċi maħtura mill-Maġistrat inkjesta, li kkonkludew li l-kwantità u ċ-ċirkostanzi tal-każ juru li l-pussess ma kienx għall-użu personali. L-Avukat Ġenerali qed jitlob kundanna għal priġunerija għal għomru u multa li tista’ tvarja bejn €2,329 u €116,468, kif ukoll il-konfiska tal-proprjetà u oġġetti relatati.
L-akkużat, jinsab assistit mill-Avukati Lennox Vella u Mario Mifsud, Il-prosekuzzjoni hija rappreżentata mill-Avukati Kevin Valletta u Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-prosekuzzjoni għandha tipproduċi numru kbir ta’ xhieda tal-pulizija, esperti forensiċi u persuni ċivili relatati mal-operazzjoni fil-Marsa.
//= $special ?>