Internazzjonali

Kanada – Indja: Impenjati biex itaffu l-kriżi fir-relazzjonijiet bilaterali

Il-Kanada u l-Indja qablu dwar sensiela ta’ passi lejn ir-restawr tar-relazzjonijiet bilaterali…Relazzjonijiet li kienu qalbu sew għall-agħar wara li Kap separatista mill-komunità tas-Sikh kien spiċċa assassinat fil-Kanada.

Il-Ministru Kanadiż għall-Affarijiet Barranin,Anita Anand, kellha laqgħat mal-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi u mal-Ministru Indjan għall-Affarijiet Barranin, S Jaishankar waqt l-ewwel żjara uffijċali fl-Indja. Dan waqt li Modi infurmaha li ż-żjara għandha ssaħħaħ u tistimola mill-ġdid il-partnership bejn iż-żewġ pajjiżi.

Is-sitwazzjoni hi ferm differenti minn meta, fl-2023, l-eks Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, kien akkuża lill-Indja dwar sehem fl-omiċidju tas-separatista, Hardeep Singh Nijjar – bil-Gvern Indjan jiċħad għal dan bl-aktar mod kategoriku.

B’riżultat ta’ dan, iż-żewġ pajjiżi kienu keċċew lill-ogħla diplomati ta’ xulxin filwaqt li sospendew is-servizzi tal-visa bħala passi reċiproki.

Intant, wara l-laqgħat, f’Delhi, bejn Anand u Jaishankar, tħabbru sensiela ta’miżuri, fosthom il-bidu mill-ġdid ta’ taħditiet fuq livell ministerjali dwar il-kummerċ u investiment bilaterali.