Lokali

Ktieb tal-kondoljanzi b’tifkira ta’ Victor Ragonesi

Il-pubbliku mistieden biex għada jiġi jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi li se jinfetaħ fid-Dar Ċentrali wara l-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali tal-PN il-ġimgħa l-oħra

Hekk kif aktar tard illum waranofsinhar l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Victor Ragonesi se jkun qed jingħata l-aħħar tislima, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lill-pubbliku biex għada jiġi fid-Dar Ċentrali biex jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi li se jinfetaħ apposta.

Min jixtieq jiġi jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi b’tifkira ta’ Victor Ragonesi, se jkun jista’ jagħmel dan għada t-Tlieta bejn l-10am u s-7pm.

Membri tal-pubbliku se jkunu jistgħu jħallu messaġġ b’memorja tal-Avukat Ragonesi fil-ktieb tal-kondoljanzi li se jkun fil-foyer tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Victor Ragonesi miet nhar il-Ħamis li għadda 9 ta’ Ottubru 2025 fl-età ta’ 101 sena u l-funeral tiegħu se jkun qed isir illum fis-2pm fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir, f’Tas-Sliema.

Minbarra li serva bħala Segretarju Ġenerali tal-PN bejn l-1954 u l-1962, Victor Ragonesi jibqa’ mfakkar l-aktar għas-sehem kruċjali tiegħu fin-negozjati fi żmien l-Eks Prim Ministru u Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Ġorġ Borg Olivier biex Malta kisbet l-Indipendenza.

Ragonesi kien il-persuna fdata mill-PM Borg Olivier biex imexxi t-taħditiet mal-Ingliżi li eventwalment wasslu biex Malta ħadet rajha f’idejha u saret stat sovran.

Victor Ragonesi kien miżżewweġ lil Maria Concetta Ragonesi née Casolani u kellhom erbat itfal. Il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lil uliedu Mariella, Anne, Isabelle u Rodolfo, u l-familji tagħhom.