Internazzjonali

L-Eġittu: Donald Trump jattendi summit dwar Gaza, bl-Iżraeljani qed jiċċelebraw ir-ritorn tal-ostaġġi

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump jinsab l-Eġittu għal summit dwar il-futur ta’ Gaza.

Dan wara li l-Mexxejja tal-Eġittu, Franza u t-Turkija, flimkien mal-Emir tal-Qatar u partijiet oħra interessati, kellhom laqgħa ( organizzata fl-Eġittu) dwar l-aħjar mezzi għall-koordinazzjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza….Miżuri li,  fuq kollox, jaħsbu wkoll fl-impenji għar-rikostruzzjoni tat-territorju ta’ Gaza wara daqstant xhur ta’ gwerra.

Donald Trump, sadanittant, faħħar lill-President Eġizzjan, Abdel Fatah al-Sisi waqt li qal li hu kellu rwol importanti ħafna bħala medjatur għat-tmiem tal-gwerra fil-Medda ta’ Gaza.

Dawn huma l-aħħar żviluppi meta l-poplu ta’ Iżrael qed jiċċelebra r-ritorn talaħħar 20 ostaġġi li kienu ilhom miżmumin għal sentejn mit-terroristi tal-Ħamas f’Gaza….Ritorn li ġedded mill-ġdid il-memorji koroh ta’ meta l-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023, invadew l-artijiet tal-Iżraeljani u wettqu massakru storiku li sewa l-ħajja ta’ 1,200 – irġiel, nisa u tfal – fost il-ħtif ta’ kważi 300 ostaġġ.

Madankollu, il-Ħamas għad irid jgħaddi l-fdalijiet ta’ madwar 30 ostaġġi oħra li mietu waqt li fi priġunerija….Dan fost indikazzjonijiet li, għalissa, qed jinħelsu biss erba’ fost il-katavri, bl-oħrajn suppost li jingħaddew lura lil Iżrael matul din il-ġimgħa.

Il-ħelsien tal-ostaġġi sar possibbli permezz ta’ pjan, ibbażat fuq 20 punt, li ressaq u insista dwaru Donald Trump…Dan waqt li Trump wettaq pressjoni kbira fuq il-Ħamas u daqstant ieħor fuq l-alleati Iżraeljani biex huma jaċċettaw dn il-patt u jevitaw aktar dmija wara gwerra li damet aktar minn sentejn.

Min-naħa tiegħu, Iżrael qed jibda jeħles madwar 250 priġunier Palestinjani, minbarra mijiet ta’ Palestinjani oħra li spiċċaw arrestati f’Gaza…Dan waqt li l-ewwel gruppi tal-Palestinjan meħlusa, fl-aħħar sigħat, kienu qegħdin jaslu lura f’Gaza u anki f’Ramallah, fix-Xatt tal-Punent.

Trump jindirizza lill-Knesset

Il-President Trump, aktar kmieni llum, mar f’Iżrael biex jindirizza lill-Knesset, jew Parlament, u meta qabel ikkummenta ċar u tond li ‘il-gwerra f’Gaza, illum, spiċċat’.

Trump sostna li ‘dan hu żerniq storiku għal-Lvant Nofsani’ waqt li rringrazzja lill-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu u  rrefera għalih bħala ‘raġel ta’ kuraġġ eċċezzjonali’. Trump irringrazzja anki lill-pajjiżi Għarab li ħadmu flimkien biex jgħinu bin-negozjati għall-paċi, filwaqt li awgura ‘era ġdida tad-deheb’ għar-reġjun.

Sadanittant, Trump, waqt id-diskors fil-Parlament, fakkar ix-xeni terribbli tas-7 ta’ Ottubru tal-2023 f’Iżrael u fisser l-attakk tal-Ħamas bħala waħda mill-aktar azzjonijiet malinni li qatt kienu diretti kontra l-Lhud sa minn żmien l-Olokawst.

Il-President Amerikan, fl-istess ħin, ġedded l-appoġġ ta’ pajjiżu għal Iżrael u qal li l-Istati Uniti qed tissieħeb mal-Iżraeljani biex, flimkien, jaċċertaw li t-terrur ta’ sentejn ilu ma jirrepeti ruħu qatt.

Donald  Trump enfasizza li ‘l-elementi kollha li qed jixprunaw it-terrur u l-kaos fil-Lvant Nofsani, illum, spiċċaw iżolati u aktar dgħajfin minn qatt qabel’. Dan filwaqt li sostna li qed tintrebaħ il-ġlieda kontra l-għedewwa taċ-ċivilizzazzjoni.