Lokali

L-Għaqda Ġurnalisti Sports b’stqarrija biex tikkumpensa għall-ħsara li saret mill-President tagħha stess

Il-President tal-GħĠS, Antvin Monseigneur.
Il-President tal-GħĠS, Antvin Monseigneur.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) tixtieq tikkjarifika li hija organizazjoni indipendenti u mhux partiġġjana. Fi stqarrija, iffirmata mill-Viċi President tal-Għaqda, Paul Cachia, l-GħĠS saħqet li tirrispetta d-dritt ta’ kull individwu, inklużi l-membri u l-uffiċjali tagħha, li jesprimu l-opinjoni personali tagħhom. Madankollu, dawn l-opinjonijiet ma jirrappreżentawx bilfors il-pożizzjoni uffiċjali tal-Assoċjazzjoni.

L-GħĠS ħasset il-ħtieġa li tispjega l-posizzjoni tagħha wara li l-President il-ġdid tagħha, Antvin Monseigneur, kien wieħed mill-kelliema waqt attivitá politka tal-Ħadd filgħodu, organizzata mill-Partit Laburista. Irrispettivament mill-presenza tiegħu għal din l-attivitá politika, id-diskors ta’ Monseigneur nissel rabja u kritika fuq il-midja soċjali, partikolarment minn bosta sportivi, b’ħafna sejħulu bħala wieħed ‘partiġjan’ u li ma jagħmilx unur għal kariga ta’ President, li suppost qed jirrapreżenta l-ġurnalisti sportivi membri li jħaddnu twemmin politiku differenti.

Fl-isfond ta’ din il-kritika, li ġejja saħansitra minn membri tal-istess għaqda, bl-għan li tikkumpensa għal ħsara li għamel l-istess President Monseigneur lill-għaqda li hu jmexxi, l-GħĠS qalet li hi “tibqa’ strettament newtrali f’kwistjonijiet politiċi u tibqa’ impenjata li tippromwovi u tħares l-integrità, il-professjonalità u l-interessi tal-ġurnaliżmu sportiv f’Malta.”

L-istqarrija tal-GħĠS tonqos milli tapprova jew tassoċja ruħha ma’ dak li qal Monseigneur, b’għexiren, jekk mhux mijiet ta’ kummenti miktuba fuq il-midja soċjali saħqu li b’dak li qal u għamel il-President tal-GħĠS, għandu serjament jikkonsidra l-posizzjoni tiegħu fit-tmexxija tal-Għaqda.

Monseigneur, li hu wieħed mill-ġurnalisti u preżentaturi sportivi fuq l-istazzjon nazzjonali TVM, sar President tal-GħĠS, nhar il-11 ta’ Settembru li għadda, wara li rebaħ l-elezzjoni għal din il-kariga li kienet ikkontestata ukoll minn Lorraine Cunningham, b’differenza minima ta’ tliet voti. Membri tal-għaqda li tkelmu ma’ Net News, u li ħassewhom diżappuntanti bl-imġieba ta’ Monseigneur, esprimew it-tama tagħhom li dan kien episodju ta’ darba.

“Nibda ninkwieta tassew dwar l-għażla li għamilna, xahar ilu, meta jkollok President ġdid, li jidħol f’kontroversja bħal din u bi kliemu stess ħoloq diviżjoni politika bla bżonn bejn il-membri tal-GħĠS. Qabblu kien hemm min mexxa din l-Għaqda u bħalu, kif għandu kull dritt li jagħmel, kellu l-istess twemmin politiku, iżda l-imġieba tiegħu dejjem kienet eżemplari u qatt ma tkellem politikament jew daħħal qasma politika fost il-membri. Nittama li dan kien episodju ta’ darba u mhux il-bidu ta’ numru ta’ kontroversji li ma jagħmlux ġid lill-għaqda tagħna,” qalilna ġurnalist sportiv membru, li xtaq jibqa’ anonimu, b’reazzjoni għal din l-istorja.