Internazzjonali

Jibdew jinħelsu l-ostaġġi Iżraeljani minn Gaza

L-għodwa tat-Tnejn immarkat ir-rilaxx tal-ewwel seba’ ostaġġi li inħelsu mill-grupp Hamas. Dan wara li skatta l-ftehim għal waqfien mill-ġlied, illi tfassal mill-Istati Uniti.

Dan ġie kkonfermat kemm mill-Hamas, kif ukoll mill-armata Iżraeljana.

B’kollox, matul il-jum tat-Tnejn, se jiġu rilaxxati 20 ostaġġ li kienu nħatfu fl-attakki tas-7 ta’ Ottubru tal-2023.

Iżrael minn naħa l-oħra se jkun qed jeħles diversi priġunieri Palestinjani.

Waqt li għaddej ir-rilaxx tal-ostaġġi, l-President Amerikan Donald Trump wasal fl-ajruport ta’ Ben Gurion f’Iżrael hekk kif hu se jkun qed jagħmel żjara qasira fil-pajjiż. Trump hu mistenni jingħata l-ogħla unur ċivili ta’ Iżrael, il-Midalja Presidenzjali ta’ Unur Iżraeljana. Dan il-premju jirrikonoxxi l-isforzi ta’ Trump biex jassigura l-ħelsien ta’ 48 ostaġġ miżmuma mill-Hamas, fejn 20 minnhom huma maħsuba li għadhom ħajja.

Għall-ħabta tad-10am, vann ieħor tar-Red Cross telaq minn Khan Younis fin-nofsinhar ta’ Gaza lura lejn l-Iżrael biex jirritornaw 13-il ostaġġ. Skont il-Hamas, l-ostaġġi kollha ħajjin ingħataw lura lill-Iżrael.

Minbarra l-ostaġġi Iżraeljani, hu mistenni wkoll li jinħelsu 250 priġunier Palestinjan u 1,700 ostaġġ Palestinjan, inklużi 22 tifel u tifla, fis-sigħat li ġejjin.