Lokali Qorti

Missier żagħżugh jirraporta lil ibnu li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti

Ġuvnott ta’ 16-il sena minn Birgu spiċċa fl-inkwiet wara li missieru u qarib tiegħu rrappurtawh lill-Pulizija talli kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti tal-ħelsien mill-arrest fejn kellu “curfew” impost fuqu. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda meta, skont l-Ispettur Christian Xuereb, il-missier tal-adoloxxenti mar l-għassa u informa lill-Pulizija li ibnu, li kellu jkun id-dar sas-7 ta’ filgħaxija, wasal fis-8pm.

Il-Pulizija marru fid-dar tat-tifel, fejn sabuh fil-parti komuni tal-blokka ta’ appartamenti flimkien ma’ qarib tiegħu. Dan il-qarib spjega lill-Pulizija li hekk kif induna li t-tifel ma kienx id-dar fil-ħin, mar ifittxu u sabu fi Triq Santa Tereża, Bormla, u ħadu lura d-dar bil-karozza.

It-tifel ġie arrestat mill-ewwel u tressaq il-Qorti t-Tnejn wara nofsinhar, fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Astrid May Grima indirizzatu personalment u wissietu: “Uża ż-żmien tiegħek fiċ-Ċentru ta’ Servizzi Restorattivi Residenzjali (CoRRS) biex ma tkomplix fuq din it-triq. Għandek 16-il sena u diġà għandek żewġ każi kriminali. X’se tagħmel meta jkollok 30? Uża dan iż-żmien biex ittejjeb ħajtek.”

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna Briffa, Karen Cassar u Christian Xuereb, filwaqt li l-Avukat Yanica Barbara Sant dehret għall-akkużat taħt għajnuna legali.