Lokali Qorti

Mixli b’serq ta’ senter u pussess ta’ munizzjon

Zion Mallia, ta’ 23 sena minn Ħal Għaxaq u li qal li bħalissa ma jaħdimx, tressaq il-Qorti akkużat b’diversi reati relatati ma’ serq ta’ senter, ħsarat, pussess ta’ munizzjoni mingħajr liċenzja u ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Iż-żagħżugħ tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima. Il-Pulizija qalet li l-allegat vittma raha s-senter tiegħu fuq il-meżżi soċjali u hemm skattat l-investigazzjoni,

Skont waħda mill-akkużi, bejn l-4am. u s-6am. tal-10 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, u f’xi ġranet oħra, Mallia allegatament seraq senter tal-għamla Benelli minn fuq karozza li kienet ipparkjata għall-mument f’post pubbliku. Fil-fatt skont il-vittma tas-serqa tas-senter is-senter insteraq sakemm huwa mar biex jiftaħ il-grada tal-għalqa.

Dan is-serq huwa kkwalifikat bħala serq aggravat, billi sar wara nżul ix-xemx, u l-valur tal-arma ma jaqbiżx is-somma ta’ €2,329.37ċ. Huwa ġie wkoll akkużat li kkaġuna ħsarat ta’ mhux iktar minn €2,500 lill-istess vittma, kif ukoll li nhar il-Ħadd li għadda kien fil-pussess ta’ ħwejjeġ misruqa li laqa’ għandu biex ibigħhom jew imexxihom.

Barra minn hekk, huwa ġie mixli li fl-okkażjoni tal-istess ġurnata kkawża ħsarat oħra stmati għal bejn €250 u €2,500 lill-istess persuna. Skont il-prosekuzzjoni, Mallia huwa akkużat ukoll li fit-12 ta’ Ottubru 2024 kellu fil-pussess tiegħu munizzjoni mingħajr ma kellu l-liċenzja meħtieġa, u li pprova jaħbi reat.

Barra minn hekk, huwa ġie akkużat li fl-10 ta’ Novembru 2024 kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li kienet ingħatatlu f’okkażjoni preċedenti, u li huwa reċidiv. Fir-rigward ta’ kif ġie arrestat, il-prosekuzzjoni spjegat li fil-10 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, raġel kien irrapporta lill-pulizija li waqt li waqaf biex jiftaħ il-grada tiegħu nnota li s-senter tiegħu ma kienx hemm, u ssuspettaw li nstab serq.

Ftit xhur wara, f’Settembru ta’ din is-sena, ir-raġel ra ritratt fuq Facebook ta’ arma li rrikonoxxa bħala tiegħu. Wara dan l-iżvilupp, il-pulizija identifikat lil Mallia bħala s-suspettat u arrestawh il-Ħadd fil-10.30 ta’ filgħodu f’Għawdex.

Fil-Qorti, l-Avukat Franco Debono, li qed jidher flimkien mal-Avukat Adreana Zammit, talab li l-imputat jingħata ħelsien mill-arrest, billi sostna li Mallia qed jgħix ħajja stabbli flimkien mas-sieħba tiegħu f’Għawdex u li għandu jiġi mgħejjun minn probation officer. Huwa żied li l-klijent tiegħu m’għandux kondotta kriminali gravi u qed juri rieda li jkompli jtejjeb ħajtu.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Wayne Bonello, qablet li l-fedina penali ta’ Mallia mhix aggravata, iżda enfasizzat li l-akkużat diġà kiser kundizzjonijiet imposti minn qorti oħra.

Dr. Aquilina sostna li l-fatt li l-imputat tella’ ritratt tal-arma fuq il-mezzi soċjali juri li ma kellux rispett lejn l-obbligi tiegħu taħt il-liġi. Wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat, il-Maġistrat Astrid May Grima laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma li tibqa’ fis-seħħ sa ma tingħata s-sentenza finali fil-konfront tal-imputat.

Huwa ġie ordnat li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat – Għawdex li jkun id-dar sad-9pm. u ma joħroġ qabel is-7am. Fost kundizzjonijiet oħra ġie mitlub iħallas depożitu ta’ 1,000 ewro u garanzija personali ta’ 10,000 ewro u tqiegħed ukoll taħt ordni ta’ superviżjoni.