Joe M. Zahra
Bejn l-1958 u l-1962 mal-Avukat Victor Ragonesi ħdimt ħafna. Kont inżuru b’mod regolari fl-uffiċċju tiegħu fi Triq Santa Luċija. Jew nieħdu kafè flimkien għand Cordina. Kif kont inżur ta’ kuljum lil Ġorġ Borg Olivier fl-uffiċċju tiegħu fi Triq Żakkarija l-Belt Valletta.
Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista la kellu Dar Ċentrali, la kellu radju u lanqas televiżjoni. Kellu biss gazzetta li toħroġ darba fil-ġimgħa u qrib l-elezzjoni ġenerali darbtejn fil-ġimgħa. Il-laqgħat tal-partit kienu jsiru fil-każin tal-Belt taħt l-arkati fi Pjazza Reġina. Mill-bqija kellu qalb kbira u nies determinati. Fosthom u minn ta’ quddiem nett l-Avukat Victor Ragonesi.
Victor Ragonesi u Ġorġ Borg Olivier kienu jaħdmu f’tandem. Jikkonsulaw lil xulxin u jattwaw. Meta bdejt nersaq lejn il-Partit Nazzjonalista u lejn Borg Olivier u Ragonesi xejn ma kienu żminijiet sbieħ għall-Partit Nazzjonalista. Mill-Oppożizzjoni l-PN, għaliex l-interessi tal-ħaddiema u tal-pajjiż kienu jiġu l-ewwel u qabel kollox, ivvota l-hekk imsejħa Break with Britain Resolution li poġġiet fuq il-Gvern Ingliż ir-responsabbiltà għas-sensji li kienu qed jingħataw mis-servizzi Ingliżi. Il-Gvern ta’ Mintoff irriżenja u l-Partit Nazzjonalista, li ma kellux maġġoranza fil-Parlament, ma setax jaċċetta li jifforma gvern alternattiv.
Qasma fil-PN
Fil-Partit Nazzjonalista qam ferment biż-Żgħażagħ Nazzjonalisti Maltin jiktbu kontra Ġorġ Borg Olivier u bil-kumitat eżekuttiv tal-PN jissospendihom mill-partit. Hawnhekk twaqqaf il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonlista, l-iktar fergħa qadima tal-PN. Kien dak iż-żmien li bdejt nersaq lejn il-Partit Nazzjonalista. Kont nitla’ l-Belt kull filgħaxija u niltaqa’ maż-żgħażagħ Freddie Bartolo, John Gatt u Eddie Ellul – it-tlieta m’għadhomx magħna! Ma domtx ma sibt ruħi fil-Partit Nazzjonalusta, fl-MŻPN, fis-sezzjoni taż-Żejtun fejn iktar tard kont anke President tas-sezzjoni u tal-każin.
Fis-27 ta’ Mejju 1959 ittesserajt fil-Partit Nazzjonalista bit-tessera Numru 3121. Tessera iffirmata minn Ġorġ Borg Olivier u minn Victor Ragonesi. Din kienet l-ewwel laqgħa tiegħi mal-Partit Nazzjonalista u l-bidu tal-laqgħat spissi ma’ Ġorġ Borg Olivier u Victor Ragonesi. Ridna naħdmu għaliex kontrina kien hemm mhux biss il-Partit Laburista, li allura kien qaleb mill-integration mar-Renju Unit għall-Indipendenza, iżda ma’ partiti oħra li tnejn minnhom faqqsu fis-snin ta’ wara l-1958: il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (PDN) mmexxi mill-Avukat Herbert Ganado li ġabar fih l-uffiċjali u l-membri taż-Żgħażagħ Nazzjonalisti Maltin u li twaqqaf bl-iskop li jaħtaf il-Partit Nazzjonalista minn taħt idejn Ġorġ Borg Oliver; il-Partit tal-Ħaddiema Nsara mmexxi minn Toni Pellegrini, li ħareġ mill-Partit Laburista: u l-Partit Kostituzzjonali Progressiv ta’ Mabel Strickland.
Kien żmien meta l-Partit Laburista kien għaddej minn ġlieda mal-Knisja u l-partiti li faqqsu biex jirnexxu riedu juru li l-Partit Nazzjonalista kien fuq l-istess triq mal-Partit Laburista. Fake news ta’ dak iż-żmien għaliex kien il-Partit Nazzjonalista li dejjem ħadem għall-Indipendenza u mhux viċi-versa.
Ma ridux jinqdew bil-Knisja
F’dan it-taħwid politiku kollu l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borġ Olivier bħala Kap u minn Victor Ragonesi bħala Segretarju Ġenerali riedu juru li għalkemm leali lejn il-Knisja ma ridux jinqdew biha għal skopijiet politiċi. U għalkemm riedu l-Indipendenza fi ħdan il-Commonwealth għal pajjiżna bl-ebda mod ma kienu jaqblu mal-politika Laburista li kienet taqsam u tifred lill-Maltin u l-Għawdxin.
Ġorġ Borg Olivier kien il-moħħ wara l-Partit Nazzjonalista. Victor Ragonesi kien par idejn sodi li jaħdem biex jara li jkun attwat dak li jiddeċiedi l-partit. Dan kien iwassal biex il-Partit Nazzjonalista, li allura kien tilef parti minnu għall-PDN, ried jagħmel strateġija li żżomm fi ħdanha d-deputati kollha li kienu jirrappreżentaw lill-PN u biex isib kandidati ġodda biex l-elezzjoni ġenerali, tiġi meta tiġi, ikun lest.
Dan fejn kont nidħol jien u x’ressaqni qrib Victor Ragonesi! Fl-1960 bdejt ngħin fil-gazzetta tal-PN ‘Il-Poplu’. Kont nirrapporta diskorsi tal-kelliem tagħna, speċjalment ta’ Ġorġ Borg Olivier fil-meetings u attivitajiet oħra tal-partit. Għand Borg Olivier kont ngħaddi ta’ kuljum biex jagħtini dak li kien qed iseħħ fil-partit u li stajt nippubblika. Victor Ragonesi kien jaħsibli għall-editorjal. Konna anke nitkellmu dwar il-linja li kellu jieħu l-partit fil-kwesjonijiet kollha li kienu jinqalgħu.
Victor Ragonesi bil-kelma persważiva tiegħu, bil-ħidma tiegħu kien iħeġġeġ lilna ż-żgħażagħ biex naħdmu. Niftakar darba minnhom bagħat għalija Borg Olivier u qalli li kien telaqna d-distributur tal-gazzetta. Jien kont għedtlu li mmur inqassamha jien. S’intendi kollox volontarju. Niftakar lil Ragonesi jgħidlu b’nofs daħka: Qed tara kif irranġajna!
Persuna li jikkonvinċi
F’Novembru 1961, ftit jiem qabel għalaqt 20 sena, kont inħtart assistent editur ta’ ‘Il-Poplu’. Spiċċajt nagħmel kollox: niġbor il-materjal, nikteb, immur l-istamperija nara l-ġurnal jittella’ u darba jiġi pprintjat immur inqassmu. Ħidma li kienet tressaqni dejjem iktar qrib Ġorġ Borg Olivier u Victor Ragonesi.
Victor Ragonesi bit-tbissima tiegħu taħt dawk il-mustaċċi, b’xi daħka li kienet toħroġ mill-fond ta’qalbu kien iħeġġiġna naħdmu. Konna naħdmu lejl u nhar biex nikkonvinċu n-nies u nirbħu.
Niftakar meeting fiż-Żejtun. Tkellem it-Tabib Cachia Zammit, u warajh beda jitkellem Victor Ragonesi. Kellu jagħlaq Borg Olivier. Iżda Borg Olivier ma deherx! Dr Ragonesi sejjaħli kemm il-darba biex nara fejn kien Borg Olivier. Dak iż-żmien ma kienx hemm mobile. Kont immur inċempel mingħand xi ħadd ħabib tagħna u nirritorna ngħidlu li ma wieġeb ħadd u allura kien fit-triq. Iżda Ragonesi kemm se jdum jgħid! Fl-aħħar deher Borg Olivier isuq ir-Rover. Niżel, skuża ruħu u qalilna li kien inqabad f’korteo tal-Partit Laburista tas-Sette Giugno qrib iċ-Ċimiterju tal-Addolarata. Ragonesi ħa r-ruħ.
Victor Ragonesi ma kienx joqgħod lura jirrakkonta xi storja li għadda minnha meta kien jakkumpanja lil Borg Olivier f’delegazzjonijiet f’Malta u barra minn Malta. Kien dejjem isemmi kemm Borg Olivier kien negozjatur iebes u ma jċedi xejn li jagħmel ħsara lil pajjiżna.
L-id il-leminija ta’ Borg Olivier
Victor Ragonesi mill-gvern kien l-id il-leminija ta’ Ġorġ Borg Olivier sew bħala kap tal-PN kif ukoll bħala Prim Ministru. Kien imexxi delegazzjonijiet fil-mixja ta’ pajjiżna lejn l-Indipendenza. Kien il-persuna fdata tal-Prim Ministru.
Victor Ragonesi ħadem bla heda biex ikollna Malta aħjar. Ħadem mingħajr ma kellna l-istrutturi meħtieġa. Ħadem minn qalbu u l-PN miż-żmien li hu kien Segretarju Ġenerali fl-1954 sa ma rriżenja fl-1962 biex ikun iktar qrib tal-Borg Olivier Prim Ministru, kiber u ssaħħaħ minkejja l-maltempati kollha li għadda minnhom.
Lejn Victor Ragonesi l-poplu Malti għandu jibqa’ grat għal dak kollu li għamel fis-snin li flimkien ma’ Ġorġ Borg Olivier ħadem biex pajjiżna kiseb l-Indipendenza. Il-kondoljanzi lil uliedu. Jistrieħ fis-sliem tal-Mulej.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 13 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>