Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Id-dinja hija mimlija b’kumplikazzjonijiet tali li fir-realtà mhumiex jippermettu li jsiru l-iżvilupp u l-progress li l-paċi tippermetti.
Hemm għarfien ta’ dan, ċertament fil-fatt li qed isiru sforzi varji biex il-kunflitti li qed ikissruna jieqfu. Dawk li huma l-iktar viċin tagħna jmissu l-istabbiltà u r-relazzjonijiet bejn l-Istati.
F’dan, postna huwa iktar dak li nibqgħu ninsistu u nitkellmu li l-paċi hija possibbli u li hemm alternattiva għall-gwerer li għaddejjin.
Nissudaw kull inizjattiva u ningħaqdu biex ngħinu għax mingħajr l-istabbilità fir-reġjun ma nistgħux inħarsu lejn il-progress li ħaqqna.
Verament
Hemm f’dan ukoll sitwazzjonijiet politiċi li qed isibu d-diffikultà ulterjuri tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Huwa f’dan determinanti dak li Franza għaddejja minnu fil-preżent.
Il-fatt li l-President Emmanuel Macron (1977) sab mill-ġdid li l-persuna li għażel biex jifforma gvern, Sébastien Lecornu (1986) ma rnexxilux, fiha x’wieħed jifhem. Il-mument politiku m’huwa faċli xejn.
Fuq naħa President li għad għandu saħħa u piż internazzjonali kif rajna reċentement fil-Ġnus Magħquda, meta mexxa erbatax-il pajjiż biex jirrikonoxxu l-Istat Palestinjan u fuq l-oħra d-debbulizza politika interna bil-fatt li m’għandux maġġoranza flimkien mal-fatt li l-pajjiż jinsab iddominat minn partiti fl-esterm tal-lemin u tax-xellug.
Il-pożizzjoni hija diffiċli ħafna u għad fadal tmintax-il xahar biex issir elezzjoni presidenzjali. Sa fejn ser tasal u anki jekk imur għal elezzjoni presidenzjali jew ġenerali, jew it-tnejn, hemm il-biża’ li l-pajjiż ser jibqa’ maqsum f’biċċiet li ma jippermettux stabbilità.
Il-politika ta’ qabel
F’ħafna hemm l-għarfien li l-politika kif kienet issir minn bnedmin fis-seklu ta’ qabel naqset. Dik il-preparazzjoni, dik it-triq fil-ħsieb u d-dixxiplina interna fil-bilanċ ta’ dak li hemm barra ma’ dak li hemm ġewwa l-bniedem ġiet abbandunata.
Dawk li fis-snin li għaddew għamlu minn kollox biex ikissru din il-politika issa qed jieħdu l-konsegwenzi ta’ ħidmiethom. Sfortunatament wieħed irid jirrimarka wkoll li anki dawk li jieħdu ħsieb il-gazzetti, ukoll naqqsu mill-għarfien li jridu jirrispettaw lil dawn il-bnedmin u fl-istess ħin jaħdmu magħhom.
Jekk fil-klassi politika Ewropea fil-preżent hemm kriżi, din, fil-parti l-kbira tagħha hija ġejja minn dan in-nuqqas ta’ formazzjoni.
F’ħafna, f’dak is-sagrifiċċju li fil-ħajja huwa bżonjuż biex wieħed ikun strument għas-sewwa u l-bidla t-tajba. Dan aktar mad-dożi ta’ dik il-vanaglorja inevitabbli.
Il-pożizzjoni
Il-pożizzjoni xorta tista’ tiġi salvata b’aktar għarfien li l-politika titlob mhux biss preżenza jew immaġini, imma sustanza.
Dawk li fil-passat setgħu ħadmu jew ċapċpu għal dak li raw f’xi forma ta’ vantaġġ li l-ideoloġiji politiċi jispiċċaw forsi issa qed jifhmu kemm dan huwa żbaljat. Il-konsegwenzi tal-lum ġejjin proprju minħabba dan.
Jekk hemm min qed jiddubita dwar il-proġett demokratiku li l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta, jekk hemm min qed isib lilu nnifsu jammira lil min qiegħed jifrex l-awtoritarju allura sejjer lejn id-dittatorjali taħt is-sistema demokratika.
Dan qiegħed jiżbalja u jmexxi lilu nnifsu fit-triq li minnha m’hemmx iktar loġika politika. Fil-fatt, quddiem dak kollu li hu għaddej, dan huwa l-punt ċentrali li wieħed irid jifhem.
L-ordni fil-ġustizzja
Id-dinja titlob l-ordni u titlob mill-bnedmin li jifformulaw proġetti politiċi li jġibu ġustizzja soċjali u jibnu fis-sewwa. F’ħafna qegħdin fil-pożizzjoni fejn m’għandniex aktar partiti politiċi li kapaċi jibagħtu l-messaġġ li jafu x’inhuma jagħmlu u jafu fejn iridu jmorru.
Fil-passat kien hemm il-loġika ta’ dan, anki jekk kien hemm proġetti politiċi konfliġġenti, daqqa ħafna u daqqa inqas. Imma kien neċessarju biex wieħed jidentifika x’viżjoni tal-ħajja, tal-bniedem, tas-soċjetà, partit politiku kien jirrappreżenta. Il-manifesti politiċi kienu ċari fl-ideat tagħhom.
Kemm kellhom raġun fuq kollox jew fuq il-ftit trid tgħidilna l-istorja, imma l-fatt jibqa’ li kien hemm fiduċja fil-politika, fil-politiċi u fl-istampa.
Kien hemm dan għax il-poplu kien jaf u jafda li dak li kienu qed iwettqu kien qiegħed isir għax kienu jemmnu fi proġett politiku partikolari u mhux minħabba aġendi oħra.
’Il quddiem b’dinjità
F’dan, tul din il-ġimgħa kont preżenti għall-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb, b’inizjattiva tant tajba tal-kollega u Deputat tagħna, Ivan Bartolo.
Wieħed li ħaqqu attenzjoni u qari. Kull paġna hija mimlija b’punti li jolqtuk. Fuq dan, fl-ewwel sentenzi huwa kiteb hekk: “Fil-qalba nett tal-viżjoni tagħna hemm il-prinċipju tas-solidarjetà bejn min hu b’saħħtu u min hu inqas b’saħħtu, bejn min għandu l-ġid u bejn min jinsab f’xifer il-faqar, bejn l-ixxurtjat u dak żvantaġġat.
Dan il-proġett huwa stqarrija ta’ impenn biex jinħoloq il-ġid f’pajjiżna u dan il-ġid jinfirex b’mod speċjali fost il-foqra.”
Dan proprju li l-bnedmin f’din is-soċjetà qegħdin jippretendu. Din hija l-linja li l-poplu jrid biex wieħed jara l-progress fil-ġustizzja soċjali li tant għandna iktar il-bżonn tagħha.
Hemm min irid iżarma
F’Partit bħal tagħna għandna għalhekk ferm aktar għad-dispożizzjoni tagħna wirt politiku li huwa preżenti u attiv. Dak li nkiteb qabel, u dak li sar qabel huwa f’idejna biex nagħrfuh u nimxu miegħu b’intelliġenza.
L-ankri politiċi tagħna hemm jinsabu. Il-pedamenti huma diġà stabbiliti u m’hemmx bżonn li wieħed jipprova jibni mill-ġdid dak li huwa diġà f’postu.
Hemm, iva, il-bżonn li wieħed jgħix fih mill-ġdid u jiftaħ l-aperturi tiegħu biex minnhom jgħaddi r-riħ it-tajjeb. Forsi wkoll, wieħed idur u jifhem l-inkwadri li hemm imdendla u l-għarfien li m’aħniex neqsin minn ideat jew proġetti politiċi veri.
Pajjiżna għandu bżonn lura b’saħħa politika ta’ ideat. Politika ta’ sustanza li twieġeb għal dak li għaddejjin minnu, bil-loġika tal-ordni fil-ġustizzja li nħaddnu.
Dan għax fl-istorja politika huma l-ideat dawk li jrebbħu jew iċekknu partit.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>