Lokali Qorti

Protest mill-ALPA: It-trasferiment tal-operat mill-Air Malta għal KM Malta Airlines qed inaqqar mill-kundizzjonijiet tal-piloti

Il-union tal-piloti – l-Airline Pilots Association – Malta (ALPA) qalet li l-mod kif sar it-trasferiment tal-operat minn Air Malta għal KM Malta Airlines huwa wieħed ta’ dannu għall-piloti fid-diversi kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan jinkludi wkoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tal-imjegati u l-mod kif jingħataw il-promozzjonijiet.

Fi Protest Ġudizzjarju li tressaq quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mill-ALPA kontra KM Malta Airlines Ltd jirrigwarda l-mod kif sar it-trasferiment tal-operat minn Air Malta għal Malta Airlines ma sarx skont il-liġijiet Maltin u dawk Ewropej, partikolarment id-Direttiva Ewropea u l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali.

L-ALPA sostniet li dan l-att wassal għal ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-impjegati affettwati, peress li ma ġiex rispettat id-dritt tagħhom li jiġu trasferiti taħt l-istess kundizzjonijiet li kellhom mal-Management preċedenti, jiġifieri Air Malta.

L-ALPA esprimiet tħassib dwar il-fatt li dan l-operat ġdid ma jirrikonoxxix b’mod awtomatiku l-anzjanità, id-drittijiet u l-benefiċċji l-oħra tal-impjegati, u dan huwa kunsidrat bħala ksur ta’ drittijiet tagħhom taħt il-liġi.

Għaldaqstant, l-ALPA ressqet dan il-protest sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-membri tagħha, tirriżerva l-jedd li tieħu passi ulterjuri legali kemm fil-qrati Maltin kif ukoll f’dawk Ewropej, u talbet lill-kumpanija Malta Airlines Ltd sabiex tirrikonoxxi t-trasferiment bħala wieħed li jaqa’ taħt id-definizzjoni legali ta’ trasferiment ta’ impriża u, għaldaqstant, li tirrikonoxxi d-drittijiet tal-impjegati kollha li kienu taħt Air Malta u li issa ġew affettwati minn dan l-arranġament.

Il-Protest Ġudizzjarju ppreżentat mill-ALPA kontra KM Malta Airlines Ltd jgħid li qed jesprimi t-tħassib serju tal-union dwar il-mod kif qed titmexxa l-operat tal-kumpanija f’diversi aspetti relatati mas-saħħa, is-sigurtà u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-membri tagħha – jiġifieri l-piloti u l-kaptani.

L-ALPA tinnota li, minkejja li l-kumpanija ilha topera għal aktar minn sena u nofs, għadha mhix konformi mal-liġijiet applikabbli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b’nuqqasijiet li jistgħu jkollhom konsegwenzi serji, inkluż fuq il-kopertura tal-assigurazzjoni tal-membri tagħha.

Il-union tissuġġerixxi li l-problema hija aggravata wkoll mill-fatt li m’hemmx ftehim kollettiv fis-seħħ u li l-kumpanija qed tirrifjuta li tiddiskuti mal-union sakemm dawn ma jirtirawx direttivi industrijali ta’ natura limitata li diġà daħlu fis-seħħ.

Il-protest jikkwota wkoll problema oħra relatata mar-reklutaġġ ta’ kaptani ġodda minn barra l-kumpanija, li ALPA tqis bħala diskriminatorju u demotiva għall-piloti attwali tagħha li m’għandhomx biżżejjed “flying hours” biex jiġu promossi.

Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn dawn il-piloti ma jkollhom l-ebda opportunità li javvanzaw fil-karriera tagħhom, u eventwalment jitilqu mill-kumpanija, b’riskju għoli ta’ turnover u impatt negattiv fuq is-sigurtà fl-avjazzjoni u fuq il-kontinwità tal-operat tal-kumpanija stess.

Bħala soluzzjoni, il-union qalet li kaptani li suppost se jirtiraw skont il-kuntratt huma lesti li jkomplu jservu fuq l-istess termini u kundizzjonijiet sakemm piloti interni jkunu eliġibbli biex jieħdu posthom. Barra minn hekk, dawn il-kaptani lesti jipposponu l-pagament tal-flus dovuti lilhom mill-irtirar, mingħajr imgħax u lanqas aġġustament għall-inflazzjoni. ALPA tikkritika l-fatt li l-kumpanija qed tirrifjuta anke li tikkunsidra din l-offerta.

Fl-aħħar nett, il-union wissiet li jekk il-kumpanija tibqa’ tinjora t-talbiet tagħha, se tkun sfurzata tieħu passi legali u industrijali, inkluż li tikkonsidra azzjoni ulterjuri f’laqgħa ġenerali straordinarja tal-membri tagħha. ALPA għamlet ċar li tgħaddi r-responsabbiltà kollha għall-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu lill-kumpanija KM Malta Airlines, u tgħarraf li qed iżżommha responsabbli għad-danni kollha li jistgħu jsofru l-membri tagħha. Il-protest kien iffirmat mill-Avukat Chris Cilia u l-Prokoratur Legali Gerald Bonello.