Raġel ta’ 56 sena, li kien jaħdem bħala infermier fl-Isptar Mater Dei, ġie kkundannat sentejn ħabs u mmultat €15,000 wara li nstab ħati li ta fastidju sesswali lil kollega tiegħu fuq perjodu twil ta’ snin. L-isem tal-akkużat ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma.
Il-każ imur lura għal Ġunju tal-2016 u għas-snin ta’ qabel, meta l-vittma rrappurtat sensiela ta’ atti ta’ fastidju u abbuż sesswali li beda fl-2009, wara tieġ li kienu mistiedna għalih. Hija qalet li l-għada tat-tieġ, l-akkużat għaddilha kumment dwar sidirha, u minn hemm beda jsegwiha.
Huwa kien jitlobha biex jara ċ-ċinga tal-bra jew sidirha, u meta kienet tirrifjuta kien jgħidilha “I always get what I want.” F’okkażjoni oħra, il-vittma rrakkuntat kif daħlet fl-uffiċċju tiegħu biex tuża kompjuter, iżda l-akkużat resaq minn warajha, ħallilha l-bra, messilha sidirha u ħareġ il-parti privata tiegħu.
Il-mara qalet li l-abbuż waqaf fl-2016 wara li kellmet lill-amministrazzjoni tal-isptar, li ħadet passi kontrih, tant li ma baqax jaħdem Mater Dei. Matul il-kawża, l-akkużat, li issa jaħdem ma’ kumpanija privata, ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li l-vittma kienet titolbu jgħinha u dan peress li impjegati oħra li kienu “qabżuha” meta jkun hemm xi ċans għall-promozzjoni.
Ix-xhieda tal-vittma kienet sostnuta minn uffiċjali oħra tal-isptar u pulizija li ħadu sehem fl-investigazzjoni. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace osservat li x-xhieda tal-vittma kienet konsistenti u kredibbli, filwaqt li x-xhieda tal-akkużat kienet kontradittorja u bla appoġġ ta’ ħadd.
Il-Qorti qalet li l-imġiba tal-akkużat kienet “bl-ebda mod raġjonevoli jew ġustifikabbli”, u li l-vittma kienet deskritta minn kollegi bħala mara kwieta u ta’ ftit kliem. B’hekk, il-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha ħlief dik li segwa lill-vittma, u kkundannatu sentejn ħabs u multa ta’ €15,000.
L-investigazzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Lara Butters u Mark Mercieca.
//= $special ?>