Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal raġel bi problema ta’ droga li ttanta jwettaq ‘hold-up’

Raġel ta’ 40 sena ġie kundannat għal sentenza sospiża u ħlas ta’ kumpens fuq il-vittma fuq attentat ta’ hold-up f’ħanut f’Ħal Tarxien. Antonio Mangion li kellu problema tat-teħid tad-droga, ġie ordnat ukoll iħallas elf ewro kumpens lill-vittma li kienet fil-ħanut.

Mangion kien mixli b’tentattiv ta’ serq ikkwalifikat b’arma minn ġewwa l-istabbiliment James Bakers and Cakes f’Tarxien, kif ukoll b’reati ta’ arrest illegali u ħsara ħafifa fuq il-persuna ta’ Rita Schembri. Il-każ seħħ filgħaxija tal-5 ta’ Ottubru 2021.

Mangion kien daħal fil-ħanut b’arma li aktar tard irriżulta li kienet airgun u talab il-flus bil-Malti u bit-Taljan lil żewġ ħaddiema, Rita Schembri u Doris Zammit. Il-provi wrew li Mangion daħal fil-ħanut liebes hoodie sewda, maskra u nuċċali iswed, u f’idejh kellu pistola u borża roża.

Huwa talab il-flus bil-kliem “dammi tutto, veloċe”, iżda meta Rita Schembri rrifjutat u ġarratlu lura l-basket, dan ħalla kollox u telaq ‘il barra. L-impjegata sofriet xokk emozzjonali iżda ma ġietx fiżikament midruba serjament.

Il-pulizija bdew investigazzjonijiet immedjati, u permezz ta’ CCTV footage u osservazzjoni fuq il-vettura Toyota Vitz bajda li kienet reġistrata fuq in-nanna tat-tfal tiegħu, sabu rabta diretta mal-imputat. Fil-vettura nstabu ingwanti u fil-kamra tiegħu ġakketta u airgun simili għal dik li dehret fil-filmati.

Mangion ġie arrestat sitt ijiem wara u ammetta kollox mal-pulizija, jgħid li kien qed jgħaddi minn perjodu ta’ diffikultajiet finanzjarji u ta’ vizzju tad-droga, u li ried jakkwista flus biex jibgħathom lil martu li kienet il-Marokk.

Huwa spjega li l-pistola kienet ġugarell u li ma kellux intenzjoni jweġġa’ lil ħadd, u fil-fatt telaq mill-ħanut meta “għaraf li dak li kien qed jagħmel kien żball”. Il-provi forensiċi, inklużi dawk mill-mobile tiegħu, ikkonfermaw li kien fil-viċinanzi tal-ħanut fil-ħin tal-każ.

Ix-xhieda tal-impjegati, tal-pulizija u ta’ esperti tekniċi kollha kkonfermaw il-verżjoni ta’ dak li ġara, inkluż li l-arma kienet falza u li l-flus fil-ħanut qatt ma nsterqu. Meta ġie mistieden jixhed, Mangion tenna li kien taħt l-effett tad-droga u li l-għemil tiegħu kien ġej mill-kilba għall-vizzju. Huwa qal li meta ra l-biża’ fuq wiċċ l-impjegata, “baxxejt rasi u tlaqt, għax iddispjaċieni”.

Il-Qorti rrimarkat li l-imputat mhux biss ammetta, iżda wera r-rimors tiegħu u kkopera mal-awtoritajiet. Meta eżaminat l-element tal-“tentattiv”, il-Qorti rrikonoxxiet li l-azzjoni tiegħu ma kinitx twettqet sal-aħħar, peress li waqaf minn rajh milli jkompli, mingħajr pressjoni esterna jew intervent tal-pulizija.

Il-Qorti xejnet l-argument li kien hemm serq komplut jew vjolenza effettiva, iżda sabet li kien hemm tentattiv ta’ serq ikkwalifikat b’arma falza, kif ukoll li kkaġuna biża’ u ħsara emozzjonali ħafifa lill-impjegata. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech enfasizzat il-kooperazzjoni tal-akkużat, il-fatt li ammetta kmieni, u l-kuntest personali tiegħu, inkluż il-vizzju tad-droga u l-isforzi biex jirkupra.

Il-Qorti kkonkludiet li għalkemm Antonio Mangion wettaq atti li jikkostitwixxu tentattiv ta’ serq aggravata, dan id-delitt ma ġiex ikkunsmat għax l-imputat waqaf minn rajh. Għaldaqstant, huwa ġie misjub ħati tat-tentattiv.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Sarah Zerafa.