Lokali Qorti

Talba ta’ Elton Taliana lill-Kummissarju dwar hux se jkompli bil-każ wara li l-Qorti Kostituzzjonali qalet li dan kien każ ċar ta’ persekuzzjoni

Permezz tal-Avukati tiegħu Arthur Azzopardi u Jacob Magri – l-Ispettur Elton Taliana qed jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jirregola ruħu u jgħid jekk hux se jkompli bil-kawża fil-konfront tiegħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati dwar leaks li allegatament huwa għadda meta kien fil-korp tal-Pulizija.

L-Avukat Azzopardi ippreżenta lill-Maġistrat Gabriella Vella żewġ sentenzi mogħtija minn Qrati Superjuri, waħda tas-16 ta’ Diċembru li għadda mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u l-oħra mogħtija fis-6 ta’ Ottubru li għadda mill-Qorti Kostituzzjonali fejn dawn iddeċidew li dan kien każ ta’ persekuzzjoni fil-konfront ta’ Taliana.

Il-Qorti qalet li kienet se tapponta l-kawża għat-2 ta’ Diċembru li ġej. Id-difiża ta’ Taliana qalet li hija ma kienitx qed tippretendi tweġiba dwar dan mill-Assistent Kummissarju George Cremona, għax huwa qiegħed biss imexxi l-prosekuzzjoni għan-nom tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-abbuż ta’ poter u kien iddikjarat li l-arrest, id-detenzjoni, l-interrogazzjoni, it-tfittxija u t-teħid ta’ oġġetti kollha kienu nulli u bla effett billi saru bi ksur tal-liġi.

L-Ispettur Taliana dejjem tenna li qed jiġi mmirat għall “tpattija” wara li kien fil-mira ta’ mandat ta’ tfittxija u arrest fil-jum li kellu jingħata promozzjoni għar-rank ta’ Supretendent f’Jannar tas-sena 2021 biex sussegwentement spiċċa sospiż mill-korp fejn għaddew proċeduri kriminali pendenti dwar l-allegati leaks.

Normalment meta jkun hemm sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali li tagħti raġun persuna fiċ-ċivil, dan jerġa’ jingħata l-impieg li kellu, kif seħħ kemm il-darba wkoll fil-Korp tal-Pulizija. Madankollu wara ż-żewġ sentenzi tal-Qrati Superjuri, Taliana baqa’ sospiż.

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza tal-Qorti Kostituzzjoni li sabet lill-Kummissarju tal-Pulizija ħati li kiser id-drittijiet fundamentali tal-Ispettur Elton Taliana li spiċċa sar vittma ta’ persekuzzjoni istituzzjonali u trattament degradanti mill-istess korp li jaħdem fih.

Fl-aħħar żviluppi, il-Qorti kkonfermat sentenza Kostituzzjonali li kienet sabet li l-arrest tiegħu kien wieħed illegali u mingħajr bażi, u għaldaqstant kien hemm ksur ċar tad-drittijiet fundamentali tiegħu, kemm taħt il-Kostituzzjoni ta’ Malta u kif ukoll taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-fatti jmorru lura għal diversi snin qabel, meta Taliana kien diġà sab ruħu f’ċirkustanzi fejn kien ġie mċanfar ukoll inġustament minħabba każ ta’ serqa relatat ma’ ċertu Daryl Luke Borg. Minkejja li permezz ta’ informazzjoni affidabbli kien arresta l-persuna vera li ammettiet il-ħtija, hu spiċċa taħt pressjoni u investigazzjoni mhux ġustifikata.

L-Ombudsman diġà fl-2019 kien irrimarka li kien hemm sinjali ta’ persekuzzjoni kontra tiegħu, b’mod li setgħu jtellfuh milli jitla’ għall-grad ta’ Supretendent. F’Diċembru tal-2020, meta kien qed jistenna li jattendi għall-‘interview’ tiegħu għall-grad ta’ Supretendent, hu kien diġà għadda minn diversi sitwazzjonijiet fejn ġie mfixkel minn superjuri tiegħu.

Ftit xhur wara, fit-15 ta’ Jannar 2021, seħħ l-episodju kruċjali meta Supretendent Graziella Muscat marret fir-residenza tiegħu b’mandat ta’ arrest biex jinġabar il-mobile tiegħu. Taliana, qalet il-Qorti – qatt ma ngħata spjegazzjoni ċara għaliex kien qed jiġi arrestat, lanqas ma ttieħed lejn l-eqreb għassa imma direttament lejn id-Depot fejn ġie interrogat mill-Assistent Kummissarju Stephen Gatt.

Il-Qorti ikkonstatat li l-proċess kollu, mill-arrest għat-tfittxija u l-interrogazzjoni, kien nieqes minn bażi legali u kiser id-drittijiet tiegħu b’mod gravi. Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-mandat ta’ arrest u tfittxija kienu nulli u li l-Kummissarju tal-Pulizija kien responsabbli għal dak li ġara.

Il-Qorti ordnat ukoll li isem Taliana jitħassar mill-“detainee book” tal-pulizija u li kull deċiżjoni dwar il-promozzjoni tiegħu li setgħet kienet affettwata minn dan l-arrest għandha tiġi revokata jew riveduta. Dan kollu kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Appell.