Lokali

Tingħata l-aħħar tislima liċ-ċkejken Nathan Chetcuti

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo

Knisja ippakjata. Lanqas kien hemm fejn toqod labra. Mijjiet ta’ persuni inġabru f’Ħaż-Żebbuġ għall-aħħar tislima liċ-ċkejken Nathan Chetcuti.

Nathan huwa t-tarbija ta’ sena li nstab mejjet f’karozza li kienet ipparkjata fil-parkeġġ ta’ Mater Dei, nhar il-Ħamis li għadda.

U t-Tnejn, bosta qraba, ħbieb u persuni li b’xi mod jew ieħor jafu lill familja Chetcuti imlew il-knisja bi fjuri bojod, bżieżaq blu u anke soft toys.

Matul l-omelija, il-qassis, Dun Mario Dimech, tenna li l-preżenza tal-folla numeruża li attendiet għall-funeral tirrappreżenta tgħanniqa kbira ta’ imħabba għal Nathan u għall-familja tiegħu – rifless tat-tgħanniqa t’imħabba t’Alla li jkompli jimla l-qlub bit-tama.

Hu sostna li f’mumenti ta’ toqol bħal m’huma dawn… wieħed jaqa’ fis-silenzju u jistenna r-risposti mingħand xi ħadd.U stqarr kif ħafna drabi wieħed jispiċċa jdur fuq il-ħallieq, li r-risposta tiegħu hija waħda – l-imħabba.

Fl-omelija intqal li l-imħabba hija ferm akbar min-negattivita kollha li wieħed jista’ jgħaddi minnha – u hija dejjiema. Temm jgħid li f’dan iż-żmien ta’ niket u konfużjoni wieħed għandu jħalli l-imħabba titkellem permezz tal-empatija u l-fehim.

Għall-funeral ta’ Nathan, attendew il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u Sarah Bajada.