Matthew Joseph Schembri ġie kundannat sentejn u nofs ħabs wara li nstab ħati li kien il-moħħ wara l-attakk li sar fuq l-eks kunjatu tiegħu meta dan kien qiegħed jiġġoggja f’Tas-Sliema. Schembri ta’ 40 sena minn Birkirkara kien qabbad żewġ Albaniżi biex isawwtu lill-vittma f’Ġunju tas-sena l-oħra. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta protezzjoni favur il-vittma.
Iż-żewġ rġiel Albaniżi diġà ġew ikkundannati għal total ta’ 42 xahar ħabs bejniethom wara li ammettew li attakkaw u weġġgħu gravi lir-raġel li kien qed jiġġoggja fuq il-‘front’ ta’ Tas-Sliema. Ta’ min isemmi li Schembri flimkien ma’ erba’ persuni oħra, qed jiġi akkużat ukoll b’rabta mal-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia. Schembri, huwa wieħed mill-iżviluppaturi, tal-binja li ċediet u qatlet liż-żagħżugħ.
Fil-każ ta’ Tas-Sliema, l-Albaniż Xhovano Ndoci ta’ 23 sena kien ikkundannat għal 20 xahar priġunerija, filwaqt li l-Albaniż l-ieħor Agostin Marku, ta’ 23 sena wkoll, ingħata 22 xahar ħabs, wara li t-tnejn ammettew il-ħtija tagħhom fi tmiem il-kompilazzjoni tal-provi. Huma kienu nfurmaw lill-Qorti li kienu mqabbdin minn Schembri biex iwettqu tali aggressjoni.
Il-Maġistrat Victor Axiak imponielhom ukoll multa ta’ €116 kull wieħed, ordnalhom iħallsu l-ispejjeż tal-Qorti u ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, taħt pieni ta’ multa ta’ €7,000 f’każ li din l-ordni tinkiser. L-inċident seħħ f’Ġunju tal-2022 meta l-vittma, li kien qed jiġri, ġie attakkat bla provokazzjoni miż-żewġ imputati.
Huma ġew arrestati ftit wara meta raġel ieħor li kien qed jiġġoggja segwihom u żammhom mal-art sakemm waslet il-Pulizija. Matul l-interrogazzjoni, iż-żewġ irġiel ammettew li kienu ġew imħallsa biex iwettqu l-attakk.
Il-Pulizija identifikat lil Matthew Joseph Schembri bħala l-persuna li allegatament kien wara dan l-attakk. Il-vittma huwa missier l-eks mara ta’ Schembri. Schembri qed jiffaċċja wkoll proċeduri separati għal omiċidju involontarju bħala wieħed mill-iżviluppaturi tal-inċident industrijali f’Kordin li fih tilef ħajtu Jean Paul Sofia ta’ 20 sena.
Wara li Ndoci u Marku ammettew il-ħtija, il-prosekuzzjoni kienet talbet separazzjoni tas-sentenza sabiex il-Qorti tkun tista’ tikkundannahom bil-każ kontra Schembri jinstema’ separatament.
L-avukat Dean Hili deher għal Ndoci, l-Avukat Charles Mercieca għal Marku, u Dr. Matthew Xuereb deher bħala parte civile f’isem il-vittma.
//= $special ?>