Internazzjonali Lokali

Alex Borg milqugħ f’Dar Malta mill-Ambaxxatur Vanni Xuereb u Neil Kerr

Matul iż-żjara uffiċjali tiegħu fi Brussell, organizzata mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, flimkien mad-delegazzjoni tal-PN, ġie milqugħ f’Dar Malta mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Belġju u n-NATO, Dr Vanni Xuereb, u mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea, l-ET Neil Kerr.

Il-laqgħat juru l-impenn tal-Partit Nazzjonalista biex imexxu politika favur iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin anke fuq fora Ewropej.

Il-konverżazzjonijiet iffukaw fuq il-prinċipji li jmexxu l-ħidma internazzjonali ta’ Malta, b’enfasi fuq in-newtralità, il-konsistenza u d-djalogu kostruttiv bejn il-partiti politiċi fil-ħarsien tal-interess nazzjonali.

Kien hemm qbil li l-għaqda u l-koordinazzjoni fil-ħidma ta’ Malta barra minn xtutna huma kruċjali biex pajjiżna jibqa’ meqjus bħala sieħeb serju, stabbli u ta’ kredibbiltà fil-qafas Ewropew u internazzjonali.

“Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien u jibqa’ l-forza Ewropea f’Malta. Il-vuċi tagħna fi Brussell trid tibqa’ waħda b’saħħitha, kompetenti u kredibbli — vuċi li tiddefendi l-valuri Ewropej, il-libertà u l-ġid tal-poplu Malti,” sostna Alex Borg.

Id-delegazzjoni tinkludi wkoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Beppe Galea. Għal-laqgħa mal-ET Neil Kerr, attenda wkoll l-MEP Peter Agius.