Il-kriżi fis-settur tas-saħħa qed tkompli dejjem tikber. Din id-darba kien missier, li b’qalb maqsuma u ħafna inkwiet spjega permezz ta’ post fuq il-midja soċjali li hu u l-familja tiegħu għaddejjin minn sitwazzjoni diffiċli ħafna.
Fejn appella sabiex l-awtoritajiet “iqumu mir-raqda u jgħinu lill-ulied tal-Maltin bħalma għinu lil tal-barranin. Uliedna jixraqilhom aħjar”.
Il-missier spjega li t-tifel tiegħu li għandu 14-il sena, għandu problemi bil-vista ta’ għajnejh.
Minħabba f’hekk, juża’ eye drops speċifiċi li bihom iżomm il-vista stabbli. Huwa spjega li minn Mater Dei, kienu bagħtu lil dan it-tfajjel Londra sabiex jarah professur, fejn il-mediċina kienet tiswa ħafna flus.
Għal dawn l-aħħar sena u nofs il-mediċina beda jixtriha minn pajjiżna iżda din il-mediċina speċifika mhux qed tiġi prodotta aktar. Bir-riżultat li dan it-tfajjel qed jissogra li l-vista tiegħu tmur lura ħafna ġaladarba ma jagħmilx użu minn dan id-drops.
Il-missier allega illi l-awtoritajiet huma mgħarfa b’din is-sitwazzjoni iżda ħallew lil din il-familja u oħrajn fil-għama.

Din il-post qajmet bosta reazzjonijiet fejn kienu anke aktar persuni li esprimew it-tbatija tagħhom u tal-familja tagħhom. Fejn fil-kummenti, kienet mara li spjegat li hi għandha auto-immune disease u li tieħu injection mill-POYC.
Din l-injection li hi tieħu darbtejn fix-xahar u li tiswa €700 l-waħda, issa bidlulha l-brand tagħha u l-mara spjegat li marret lura ħafna f’saħħitha. Dan għaliex, skont din il-mara, din il-brand mhux effettiva daqs li kienet tieħu qabel.
Hija ddikjarat li jekk tibqa’ hekk, sa ftit xhur oħra se terġa’ tieqaf timxi.
Fejn anke spjegat li “t-tobba u l-ispiżjara jafu bil-problema għax irċivew complaint mingħand pazjenti oħra, u r-risposta hi li ma jistgħu jagħmlu xejn għax il-Gvern joħroġ it-tender u jieħu l-irħas. U jiġi jaqa’ u jqum mill-pazjent”.

Magħha, kienet ukoll persuna oħra li spjegat li kull 3 xhur tieħu injection. Din l-injection il-Gvern qed jixtriha generic u għaldaqstant, skont din il-mara hija inferjuri ta’ dik li kienet tieħu qabel.
Għaldaqstant, hi spjegat li l-injection generic mhi qed taħdem kważi xejn ikkumparata ma dik li kienet tieħu qabel. Fejn spjegat li “dik trid tieħu nkella oħroġ il-mijjiet biex tixtriha”.
