Il-Ħadd li ġej, 19 ta’ Ottubru, se tkun organizzata l-attività Ġenna ta’ Ġonna, attività annwali mtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li tesebixxi l-lokal b’mod differenti milli ssoltu bosta jarawha hekk kif illum il-Floriana tilqa’ fi ħdanha għadd ta’ negozji u persuni li ftit ikollhom ċans japprezzaw il-ġawhra li toffri l-lokal.
Matul l-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm mat-30 attività, il-qofol jibqa’ fiz-zona ta’ Ġnien il-Mall fejn matul il-ġurnata se jkun hemm suq b’numru ta’ artiġġjanat u anki se jkun hemm il-Protezzjoni Ċivili fejn se jkunu qed jagħtu esebizzjonijiet tal-vetturi tagħhom lil dawk preżenti, dan apparti attivitajiet oħra ta’ spettaklu inkluż minn Ta’ Verna, għall-mużika tradizzjonali u kunċert minn Bernie & Pod.

L-istazzjon tal-ferrovija uniku ta’ taħt l-art se jkun ukoll miftuħ fejn wieħed se jkun jista’ jara l-post minn fejn kienet tieqaf u tgħaddi l-ferrovija f’Malta. Dan apparti wkoll mal-kampnari tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju.

Fuq il-Fosos, fi Pjazza San Publju, se jkun jista’ japprezza wirjiet tal-karozzi klassiċi u anki ta’ episodji mill-Gwerra. Fuq il-Fosos ukoll, għall-ewwel darba l-Għaqda tan-Nar u l-Kultura San Publju se tkun qed twettaq wirjiet ta’ kif jinħadem in-nar u anki kif isiru l-karrijiet tal-Karnival.

Il-Kunvent tal-Kapuċċini wkoll se jkun miftuħ fejn wieħed jista’ jara l-mużew tal-istess kunvent u anki jżur il-kripta.
Fi Triq San Publju wieħed jista’ japprezza l-Ġibjun li jinsab taħt l-iskola Primarja – ġibjun li nfetaħ għall-pubbliku l-ewwel darba s-sena li għaddiet.

Filgħodu se jkun hemm ukoll purċissjoni mill-Kappella San Publju Martri akkumpanjata mill-banda tas-Società Filarmonica Vilhena. Dawk dilettanti tal-futbol jistgħu wkoll iżuru s-sala tal-unuri tal-klabb ta’ Floriana FC.

L-attività se tkun qed tibda għall-ħabta tas-7.30am, hekk kif għall-ewwel darba l-attività se tiftaħ b’avveniment sportiv, Duathlon li tibda minn biswit Ġnien il-Mall u għandha tibqa’ għaddejja sat-8.30pm. Dettalji għad-Duatlhon hawnhekk.
Wieħed jista’ jara l-programm kollu tal-15-il edizzjoni ta’ Ġenna ta’ Ġonna: hawnhekk.
//= $special ?>

