Tnediet it-22 edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, b’risq il-Malta Community Chest Fund.
F’messaġġ li għaddiet matul konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San’Anton, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono raddet ħajr lill-edukaturi u lill-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex li permezz ta’ din il-kampanja, ta’ kull sena jgħinu lill-Malta Community Chest Fund u lil dawk li jiġu bżonnha.
Filwaqt li rringrazzjat lil kull min jikkopera sabiex din l-attività tkun ta’ suċċess, il-President qalet illi f’attivitajiet bħal dawn, “Tibda tara u tmiss b’idejk, kif il-Malta Community Chest Fund hija għodda li tiġbor lil kulħadd, lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Il-President irringrazzjat b’mod speċjali lil Bank of Valletta li jikkordina din l-attività mal-Malta Community Chest Fund u jgħin b’tim ta’ volontarjat. Irringrazzjat ukoll lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni Justin Schembri.
Intant, mit-Tlieta, il-President ta’ Malta bdiet iżżur aktar minn għoxrin skola tal-Gvern, tal-Knisja kif ukoll privati madwar Malta u Għawdex, kemm tal-primarja u tas-sekondarja, fejn qed tiltaqa’ mat-tfal u fl-istess ħin twassal il-messaġġ tagħha b’risq din il-kampanja.
//= $special ?>