Internazzjonali Lokali

Il-Kap tal-PN Alex Borg fi Brussell għal laqgħat ma’ mexxejja ewlenin fl-istituzzjonijiet Ewropej

Bejn illum u għada qed jiltaqa’ ma’ numru ta’ Kummissarji Ewropej, u dalgħodu kellu wkoll taħditiet mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-MEPs tal-PN David Casa u Peter Agius, kif ukoll mal-President tal-PPE Manfred Weber

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qed imexxi delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal żjara uffiċjali ta’ jumejn fi Brussell organizzata mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa.

Din iż-żjara qed issir bħala parti mill-impenn tal-Partit Nazzjonalista biex isaħħaħ il-kontribut tiegħu fil-politika Ewropea u biex l-interessi ta’ Malta u Għawdex ikunu rappreżentati b’mod effettiv fuq livell Ewropew.

Din hija l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Alex Borg fi Brussell minn meta laħaq Kap tal-PN u qed isservi wkoll bħala tħejjija għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-ewwel Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li se jsir il-ġimgħa d-dieħla.

Id-delegazzjoni mmexxija minn Alex Borg tinkludi lix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u lis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.

Tul din iż-żjara il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun impenjat f’diversi laqgħat bit-taħditiet tal-lum bdew b’laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, segwita minn laqgħa mad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew iffurmata mill-MEPs David Casa, Roberta Metsola u Peter Agius.

Matul din il-laqgħa ġie enfasizzat l-impenn imġedded tal-Partit Nazzjonalista biex il-politika tal-Unjoni Ewropea twassal riżultati konkreti għall-poplu Malti u Għawdxi.

F’laqgħat li kellu fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Jessika Roswall, inkarigata mill-Ambjent, ir-Reżiljenza tal-Ilma u l-Ekonomija Ċirkulari Kompetittiva, fejn enfasizza l-importanza li l-liġijiet u l-politika tal-UE jirriflettu r-realtajiet ta’ gżejjer żgħar u periferiċi bħal Malta.

Waranofsinhar, Alex Borg iltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Andrius Kubilius, responsabbli mid-Difiża u l-Ispazju, fejn ġew diskussi l-opportunitajiet għall-kumpaniji Maltin fis-settur tal-ispazju, ir-rwol li Malta tista’ tieħu fil-proġett tal-difiża Ewropea, kif ukoll kif in-newtralità kostituzzjonali ta’ Malta tista’ tiġi rispettata filwaqt li pajjiżna jkompli jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà Ewropea.

Alex Borg kompla bil-laqgħat tiegħu mal-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber u mal-Viċi President u Chief Whip tal-PPE Jeroen Lenaers, fejn ġie diskuss kif il-PN jista’ jkompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala forza kredibbli u proattiva fil-politika Ewropea.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll laqgħat mal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Belġju u n-NATO Vanni Xuereb, u mar-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE Neil Kerr, fejn tenna l-importanza ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib bejn ir-rappreżentanza diplomatika Maltija u l-Oppożizzjoni.

Alex Borg żar ukoll lill-eks Kap tal-PN u eks Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-PPE Simon Busuttil fl-uffiċċju tiegħu u feraħlu tar-rwol ġdid tiegħu fil-Parlament Ewropew.