Internazzjonali Lokali

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa mal-Kummissarju Ewropej għall-Ambjent Jessika Roswall

Delegazzjoni li tinsab fi Brussell immexxija mill-Kap tal-PN Dr Alex Borg iltaqgħet mal-Kummissarju Ewropew Jessika Roswall.

Din hija l-ewwel żjara uffiċjali tal-Kap fi Brussell, żjara li qed tiġi organizzata mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa.

Matul il-laqgħa ma’ Roswall, li hija l-kummissarju responsabbli mill-ambjent, ir-reżiljenza tal-ilma u l-ekonomija ċirkolari, ġew diskussi l-isfidi uniċi ambjentali ta’ Malta bħala gżira, inkluż nuqqas ta’ ilma, l-immaniġġjar tal-iskart, u konformità mad-diversi obbligi ambjentali tal-UE.

Dr Borg enfasizza l-impenn tal-Oppożizzjoni lejn governanza ambjentali tajba, trasparenti u responsabbli, u qal li gvern futur tal-PN se jiffoka aktar fuq liġi ambjentali b’saħħitha.

Id-delegazzjoni tinkludi wkoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin l-Onorevoli Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Beppe Galea.