Ġappuniż ta’ 31 sena, Okamura Satoshi, residenti f’Tas-Sliema, ġie kundannat sentejn ħabs effettiv u mmultat €15,000 wara li ammetta li kien qatel numru ta’ qtates f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Is-sentenza ngħatat fil-Qorti tal-Maġistrati nhar it-Tlieta filgħodu mill-Maġistrat Nadine Sant Lia.
Satoshi kien ammetta l-akkużi ta’ kruha lejn l-annimali kif ukoll li weġġa’ ħafifament lill-pulizija waqt li kien qed jiġi arrestat. Il-prosekuzzjoni spjegat li waqt il-proċess, l-akkużat kien qal lill-uffiċjal tal-probation tiegħu li “il-qtates huma bħan-nisa li jħobbu l-flus”, kliem li wera l-mentalità disturbata tiegħu lejn l-annimali.
Il-Qorti, wara li rat l-ammissjoni tiegħu u n-natura gravi tal-fatti, sabitu ħati u kkundannatu għal sentejn ħabs flimkien ma’ multa ta’ €15,000, li għandha titħallas fi żmien sentejn. Barra minn hekk, ġiet imposta fuqu ordni ta’ trattament ta’ tliet snin u projbit milli jżomm annimali għal perjodu ta’ 40 sena.
Il-każ kien investigat mill-Ispettur Eliot Magri, filwaqt li l-avukati tad-difiża kienu Adreana Zammit u Marion Camilleri. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ppresediet il-każ.
//= $special ?>