“Pajjiżna għandu jkompli jinvesti bis-saħħa fl-industrija tal-logħob diġitali, b’mod partikolari fil-ħiliet taż-żgħażagħ Maltin, bl-għan li dawn ikunu jistgħu jgawdu minn opportunitajiet li jinħolqu minn din l-industrija li toffri impjiegi tajbin bħal żvilupp ta’ logħob, animazzjoni, vijdografija u disinn interattiv fost l-oħrajn.”
Dan sostnieh ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia fi tmiem żjara li għamel waqt Playcon, espożizzjoni tal-iżvilupp tal-logħob f’Ta’ Qali, li għaliha attendew mat-30,000 ruħ. Huwa ltaqa’ u tkellem ma’ rappreżentanti tas-settur, fosthom kumpaniji u individwi li jaħdmu fih u għadd ta’ persuni li żaru dan l-avveniment fi tmiem il-ġimgħa.
“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jibni fuq it-tajjeb li qed isir fl-industrija tal-video game development u l-e-sports u se jkun aktar ambizzjuż biex dan is-settur ikompli jikber”, qal Caruana Cilia.
L-industrija tal-logħob diġitali hija niċċa ekonomika oħra li welled Gvern Nazzjonalista meta daqs 15-il sena ilu introduċa serje ta’ inizjattivi, fosthom inċentivi fiskali biex jattira din l-industrija f’pajjiżna. Fost l-inizjattivi inizjali maħluqa mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien hemm ukoll boroż ta’ studju għal studenti f’dan is-settur, biex dawn setgħu jgawdu minn dawn l-opportunitajiet ġodda.
Matul iż-żjara tiegħu, id-deputat Caruana Cilia, li ntlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti, tkellem ma’ bosta parteċipanti, fosthom eżibituri minn entitajiet amministrattivi, kumpaniji stabbiliti fis-settur u start-ups, inkluż bosta Maltin li huma l-moħħ wara dawn l-istejjer ta’ suċċess.
Huwa tkellem ukoll mal-familji u żgħażagħ li żaru din l-expo u sema’ l-ħsibijiet tagħhom dwar is-suq tax-xogħol, l-isfidi li għandhom quddiemhom u l-ideat tagħhom għal pajjiżna.
Jerome Caruana Cilia ddeskriva l-industrija tal-logħob diġitali bħala settur li joffri mhux biss riżorsa ekonomika iżda wkoll waħda edukattiva, u appella għal aktar kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-industrija u l-istituzzjonijiet edukattivi.
Huwa qal li Malta għandha bażi tajba f’dan is-settur, u għandu jkun hemm investiment mirqum u impenn konkret biex Malta tibqa’ kompetittiva u innovattiva f’dan il-qasam tant dinamiku.
B’referenza għal statistika u stħarriġ wieħed wara l-ieħor li juri kif perċentaġġ mhux żgħir ta’ żgħażagħ jixtiequ jitilqu minn pajjiżna, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża sostna li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jara li pajjiżna jibqa’ attraenti biex wieħed jgħix fih, b’kwalità ta’ ħajja aħjar, ambjent b‘saħħtu u bilanċ san bejn ix-xogħol u l-ħajja
//= $special ?>