Sport Sport Ieħor

Joseph Camilleri ttemm it-tieni stadju minn tlieta tal-Marathon des Sables, fil-11-il post

Joseph Camilleri waqt l-ewwel stadju tal-Marathon des Sables.
Joseph Camilleri waqt l-ewwel stadju tal-Marathon des Sables.

L-atleta Joseph Camilleri, li bħalissa qed jipparteċipa fil-Marathon des Sables, jinsab minn ta’ quddiem fost l-atleti minn madwar id-dinja kollha li f’dawn il-jiem qed jagħmlu din it-tiġrija tant diffiċli u popolari, fid-deżert tas-Saħara fil-Marokk.

Camilleri hu l-uniku Malti li qed jipparteċipa f’tiġrija li bdiet mil-bieraħ, fuq distanza totali ta’ 120km. Wara t-tmiem tat-tieni stadju minn tlieta, Camilleri jinsab fil-11-il post minn fost 135 atleta ragel.

Illum kienet l-aktar parti minn din it-tellieqa diffiċli, għaliex il-parteċipanti kellhom jiġru distanza ta’ 60km. It-tmiem ta’ din it-tiġrija hu nhar il-Ħamis, meta l-atleti li qed jagħmlu t-tiġrija fuq distanza ta’ 120km, jiġru l-aħħar 30km. Għada, l-Erbgħa, hija l-unika ġurnata ta’ mistrieħ għall-atleti.

Camilleri, li hu l-unika Malti li qed jagħmel din it-tiġrija, li tirrikjedi reżistenza u stamina kbira, kellu bidu tajjeb meta temm l-ewwel 30km f’ħin ta’ tliet sigħat, 13-il minuta u 46 sekonda. Dan kien il-11 l-aħjar ħin tal-ġurnata, b’Rachid El Morabity tal-Marokk, daħal l-ewwel fost kulħadd f’ħin ta’ sagħtejn 22 minuta u 37 sekonda.

Joseph Camilleri waqt li kien qed jiġri fuq ir-ramel tad-deżert tas-Saħara

It-tieni stadju ta’ din it-tellieqa, kien l-itqal wieħed hekk kif l-atleti kellhom jiġru l-itwal distanza f’ġurnata. Ħafna mill-atleti jikkrollaw f’dan l-istadju, u ma jirnexxilhomx iżommu l-pass jew ir-riżultat li jkunu kisbu fl-ewwel ġurnata peress li f’dan l-istadju, minn kmieni filgħodu, jiġru distanza ta’ 60km bl-inqas waqfien possibli.

Il-Marokkin, El Morabity ikkonferma s-saħħa tiegħu meta żamm l-ewwel post u temm dan l-istadju f’ħin ta’ sitt sigħat, 36 minuta u 9 sekondi.

Camilleri reġa’ kien fil-forma, u temm dan l-istadju l-għaxar wieħed minn fost il-135 atleta, f’ħin ta’ disa’ sigħat, 16-il minuta u 23 sekonda.

B’dan il-ħin, Camilleri saħħaħ il-11-il post fil-klassifika ġenerali, hekk kif s’issa il-ħin totali ta’ Camilleri, meta tgħaqqad iż-żewġ stadji li grew l-atleti s’issa hu ta’ 12-il siegħa 30 minuta u disa’ sekondi.

Il-posizzjoni attwali ta’ Camilleri tista’ titjib kemm il-darba l-Malti jerġa’ jkun protagonista, fl-aħħar 30km ta’ nhar il-Ħamis li ġej, b’ċans li jispiċċa din it-tiġrija ta’ 120km mal-ewwel għaxar atleti.

Il-Marathon des Sables – il-Maratona tar-Ramel – hija kkunsidrata bħala waħda mill-aktar tiġrijiet diffiċli fid-dinja. Bosta jiddeskrivu din il-maratona bħala ekwivalenti għal meta tiġri sitt maratoni f’daqqa, f’temperatura sħuna u bit-toqol ta’ basket ta’ 10kg ta’ ikel li jkun marbut ma’ darek.