Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkonfermat sentenza fil-konfront ta’ Riad Alahmad u ċaħdet l-appell tiegħu li kien qed jikkontesta wara li ġie mmultat €2,000 fuq nuqqasijiet serji ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni. Għaldaqstant, ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.
Irriżulta mill-provi li n-nuqqasijiet fuq il-post tax-xogħol saru f’sit ta’ kostruzzjoni f’Magville, San Ġwann, fejn fl-14 ta’ Mejju 2018 uffiċjali mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol sabu tliet ħaddiema jaħdmu b’mod perikoluż fuq scaffolding li ma kienx imwaħħal kif suppost, b’periklu għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom.
L-uffiċjali tkellmu ma’ Riad Alahmad, li kien identifikat bħala min iħaddem, kif ukoll ma’ żewġ ħaddiema tiegħu, Naif Hamid u Hysen Waga, li kkonfermaw li kienu jaħdmu miegħu. Wara l-ispezzjoni, l-Awtorità imponiet penali amministrattiva fuq Alahmad minħabba n-nuqqasijiet osservati, iżda minkejja li ntalab iħallas bil-mod u din it-talba kienet milqugħa, huwa ħallas biss parti żgħira mill-ammont dovut.
L-Awtorità għalhekk fetħet proċeduri kriminali kontrih taħt l-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, kif ukoll taħt Avviżi Legali 121 u 36 tal-2003. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lill-imputat ħati li naqas li jħares is-sigurtà tal-ħaddiema tiegħu u li ma pprovdiex tagħmir protettiv personali kif mitlub bil-liġi, u għalhekk kkundannatu multa ta’ €2,000.
Alahmad appella mis-sentenza, billi sostna li l-Qorti tal-Maġistrati kienet żbaljat fl-interpretazzjoni tal-liġi u fl-ammont tal-penali, li skontu kellu jkun limitat għal €465.87ċ skont il-liġi. Huwa sostna wkoll li din kienet penali ta’ natura amministrattiva u għalhekk ma kellhiex tiġi trattata bħala reat kriminali.
L-Imħallef Camilleri, wara li analizza l-atti u l-liġijiet applikabbli, irrimarka li l-proviso tal-Artikolu 38(3) japplika biss meta l-penali imposta ma taqbiżx €465.87, u għalhekk meta l-ammont ikun ogħla, l-Awtorità hija ġustifikata li tipproċedi bil-mezzi kriminali.
Il-Qorti għalhekk ma qablitx mal-argument li l-dejn kien ta’ natura ċivili, billi l-liġi tirreferi għal dan bħala “multa” u mhux bħala obbligazzjoni ċivili. Fir-rigward tal-piena, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-multa ta’ €2,000 kienet proporzjonata u taqa’ fil-limiti tal-liġi, fid-dawl tas-severità tan-nuqqasijiet u l-periklu li kien joħloq lill-ħaddiema tiegħu.
L-Imħallef tenna li bħala Qorti ta’ reviżjoni ma kienx hemm lok jiddisturba d-diskrezzjoni tal-Ewwel Qorti, billi l-piena ma kinitx manifestament eċċessiva jew barra mill-parametri legali. B’hekk, il-Qorti tal-Appell ċaħdet iż-żewġ aggravji ta’ Riad Alahmad — dak dwar il-penali amministrattiva u dak dwar il-piena imposta — u kkonfermat is-sentenza kollha tal-Qorti tal-Maġistrati.
//= $special ?>