Il-Fondazzjoni Santa Ċeċilja ta’ Għawdex se terġa’ żżomm l-appuntament anwali tagħha mal-udjenza għall-kunċert operistiku u klassiku bit-tema ‘Highlights from Rossini’.
Kif jixhed it-titlu dan il-kunċert ser jeħodna fi vjaġġ mal-kompożitur Taljan ta’ fama mondjali, Gioachino Antonio Rossini, fejn matulu ser tiġi esegwita mużika klassika u popolari tiegħu.
F’dan il-kunċert ser jiġu esegwiti fost l-oħrajn l-aqwa siltiet mużikali tiegħu, fosthom l-overture mill-opra famuża ‘The Barber of Seville’, opra f’żewġ atti li nstemgħet għall-ewwel darba fl-20 ta’ Frar 1816. Jekk għall-bidu ma kellix fama u ma niżlitx tajba mad-diversi ammiraturi tal-mużika klassika u operistika, daqstant ieħor intlaqgħet b’mod tassew sorprendenti! Se jiġi wkoll esegwit it-tieni moviment mill-Fantasija Napolitana, l-Ave Maria, La Serenata miktuba fl-1823, u l-Quoniam mill-quddiesa ‘Petite messe solennelle’. Nassiguraw li ser tkun serata indimentikabbli li ser teħodna fid-dinja operistika.
F’dan il-kunċert se jieħdu sehem is-sopran Frances Catherine Farrugia Cassar u l-baritonu Louis Andrew Cassar flimkien mal-orkestra tal-Fondazzjoni, taħt id-direzzjoni artistika u mużikali ta’ Antoine Mercieca. Il-kunċert ser isir nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Novembru 2025 fil-Lukanda Kempisnki, San Lawrenz, Għawdex, u jibda fis-7:30pm.
Dan il-kunċert huwa miġjub u mtella’ f’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Id-dħul huwa b’xejn u m’hemmx ħtieġa ta’ biljetti iżda nħeġġu lill-udjenza biex taħseb kmieni malajr kemm jista’ jkun.
Fl-aħħar tal-kunċert se ssir ġabra b’risq Puttinu Cares bħalma issa hija l-prassi tal-Fondazzjoni li f’kull kunċert tagħmel ġabra bħala għajnuna lil xi entità li tagħmel ħafna ġid fis-soċjetà tagħna.
//= $special ?>