Sitt Palestinjani sfaw maqtula f’żewġ inċidenti separati wara li l-militar Iżraeljan spara fuqhom.
Dan intqal mill-awtoritajiet tas-saħħa fit-territorju wara li aktar kmieni l-militar Iżraeljan qal li spara …hekk kif numru ta’ persuni suspettużi qasmu l-linja tat-territorju newtrali, u bdew mixjin lejn il-forzi li qed jikkontrollaw in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza.
Huma qalu li fetħu n-nar għaliex dawn il-persuni marru kontra r-regolamenti tal-waqfien mill-ġlied.
Dawn iż-żewġ inċidenti seħħew jum biss wara li l-Hamas irritorna 20 ostaġġ kif ukoll erba’ katavri. B’Iżrael jibgħat 38 xarabank bil-Palestinjani lura lejn Gaza.
Il-ftehim għall-paċi kien jeżiġi li l-katavri kollha tal-Iżraeljani maqbuda f’Gaza jiġu ritornati lill-familji rispettivi.
B’kollox, f’idejn il-Hamas kien għad hemm 28 katavru – u dan ħoloq sens ta’ ansjetà fost il-qraba ta’ dawn il-vittmi, li għadhom s’issa ma jafux meta se jiġu ritornati.
Minn naħa tagħha, ir-Red Cross wissiet li jaf jieħu ż-żmien sabiex jiġu rritornati l-katavri li inqatlu fil-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas. Spjegat ukoll li hija sfida kbira sabiex jinstabu l-katavri kollha qalb it-tiġrif tal-bini.
Intant, il-President Amerikan Donald Trump stqarr li l-ġurnata tat-Tnejn kienet waħda inkredibbli għar-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani, hekk kif issa beda uffiċjalment il-perjodu ta’ paċi.
//= $special ?>