Lokali

Mhux ħati ta’ serqa minn kiosk fl-Isla

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace illiberat lil Kevin Chircop ta’ 33 sena, residenti Ħaż-Żabbar li kien akkużat li bejn il-lejl tal-4 u l-5 ta’ Frar 2014 seraq flus kontanti u oġġetti oħra mill-istabbiliment Alice Springs Kiosk li jinsab l-Isla, b’valur ta’ madwar €2,329.37ċ, u li waqt l-istess serqa kkawża wkoll ħsarat fiż-żona tal-tieqa tal-kiosk.

Chircop kien ġie arrestat tliet snin wara s-serqa u l-prosekuzzjoni naqset li ġġib il-provi kif suppost biex huwa jinstab ħati. Huwa kien qdd jiġi mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati fi żmien li fih kien taħt Ordni ta’ Probation ta’ tliet snin mogħtija fl-2012, u li għalhekk il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex huwa jitqies bħala reċidiv. Il-Prosekuzzjoni tellgħet diversi persuni biex jiddeponu – fosthom xhieda ta’ diversi pulizija u esperti forensiċi, waqt li l-imputat għażel li ma jixhidx.

Il-Pulizija bdiet l-investigazzjoni wara rapport ta’ Emanuel Stafrace, li fil-5 ta’ Frar 2014 sab il-kiosk tiegħu misruq, bit-tieqa miftuħa bil-forza u madwar €1,400 fi flus kontanti nieqsa. Stafrace spjega li l-flus kienu jinkludu boroz żgħar ta’ fidda li kien iħalli fil-kiosk għal użu ta’ kuljum.

Qal ukoll li ma kien għaraf lil ħadd bħala suspettat u ma kellux idea min seta’ kien daħal. Huwa kkonferma li l-tieqa minn fejn sar is-serq kienet minn naħa tal-baħar u li ma kienx hemm ħsara oħra apparti li sgass u l-flus nieqsa.

Is-Surġenti Mark Anthony Chetcuti u Jeffrey Gerada xehdu dwar ix-xogħol forensiku u fotografiku li sar fuq il-post. Chetcuti ppreżenta 16-il ritratt bil-kulur li juru l-tieqa miftuħa u l-ħsarat tal-kiosk, filwaqt li indika li kien hemm ukoll fingerprints elevati mis-Surġent Charles Pace mit-Taqsima tas-SOCO.

Hu kkonferma li l-tieqa kienet ta’ għoli simili għal dak ta’ persuna adulta u li kienet magħmula minn ħadid. L-Ispettur Mark Anthony Mercieca xehed li kien preżenti meta s-sid irrappurtat is-serqa, u li hu kien bagħat fuq il-post tal-forensika biex jieħdu ritratti u ‘fingerprints’.

Ir-rapport tiegħu jikkonferma li l-Pulizija ħadet ukoll kopji ta’ filmati minn CCTV cameras ta’ postijiet fil-viċin. L-Ispettur Robert Said Sarreo, dak iż-żmien stazzjonat Ħaż-Żabbar, ikkonferma li kien ġie infurmat dwar il-każ u li ta struzzjonijiet lill-forensika biex imorru fuq il-post.

L-Ispetturi Hubert Cini u Carlos Cordina kienu l-investigaturi ewlenin. Cini ppreżenta DVD bil-filmat tal-interrogazzjoni ta’ Kevin Chircop, li sar fl-4 ta’ Awwissu 2017, fejn l-imputat irrifjuta li jkollu avukat preżenti.

Cordina spjega li l-Pulizija identifikat lill-imputat wara li ‘fingerprint’ elevat mit-tieqa tal-kiosk ġie mqabbel mal-kampjuni tiegħu. Skont Cordina, il-print kien fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-apertura tat-tieqa tal-ħadid, fatt li l-Prosekuzzjoni qalet jindika li l-imputat kien effettivament daħal ġewwa l-kiosk. Cordina sostna li meta ġie konfrontat bl-evidenza, l-imputat qal li ma jafx fejn hu l-kiosk u qatt ma kien hemm.

Madankollu, waqt il-kontro-eżami, id-difensur l-Avukat Frank Cassar enfasizza li l-Pulizija arrestat lill-imputat tliet snin wara s-serqa u li l-ebda xhud ma ra lill-imputat fuq il-post jew fil-viċinanzi. Huwa kkonstata wkoll li l-‘fingerprint’ ma kienx elevat mill-uffiċjali li xehdu quddiem il-Qorti, u li ma ġietx ippreżentata ċertifikazzjoni forensika dettaljata li tispjega l-metodu tal-qbil jew l-validità tal-kampjun. Barra minn hekk, is-sid stess tal-kiosk ma għarafx lill-imputat u qal li qatt ma kien raħ.

Il-Qorti semgħet ukoll lill-esperti Dr. Rachelle Attard u Dr. Lennox Vella, li kkonfermaw l-awtentiċità tat-traskrizzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-interrogazzjoni tal-imputat, iżda ma pprovdiex evidenza ġdida dwar l-involviment tiegħu dirett.

Wara li rat u eżaminat il-provi kollha, il-Qorti rrimarkat li l-każ kollu tal-Prosekuzzjoni kien ibbażat fuq fingerprint wieħed attribwit lill-imputat, mingħajr ma ġie ppruvat b’mod ċar fejn eżattament kien dan il-print, min ħadlu, kif ġie analizzat, u jekk setax kien fuq barra jew ġewwa l-apertura.

Barra minn hekk, l-ammont ta’ żmien bejn is-serqa jiġifieri fl-2014 u l-arrest fl-2017 ma ġiex spjegat biżżejjed, u ma kien hemm l-ebda evidenza diretta jew ċirkostanzjali oħra li torbot lil-imputat mal-każ.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti qieset li l-Prosekuzzjoni ma wrietx provi biżżejjed lil hinn minn kull dubju raġonevoli biex tikkonvinċiha li l-imputat hu ħati tas-serqa jew tal-ħsarat allegati. Għaldaqstant, il-Qorti assolviet lil Kevin Chircop mill-imputazzjonijiet kollha u ordnat li d-dokumenti kollha jiġu rritornati fejn jixraq. Il-Qorti għalhekk ddeċidiet li ma kellhiex provi ċari li jorbtu lill-imputat mar-reat, u b’hekk illiberatu mill-akkużi kollha.