Lokali

Mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni wara li bagħat talba ta’ ħbiberija fuq Facebook lill-eks sieħba

Raġel ta’ 35 sena residenti Ħal Qormi tressaq il-Qorti akkużat bi ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni li kienet ġiet imposta f’Settembru, wara li bagħat talba ta’ ħbiberija fuq Facebook u imejl vojta lill-eks sieħba tiegħu.

L-akkużat kien ukoll mixli li kiser ordni ta’ probation, li wettaq reat matul il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, kif ukoll ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u reċidiva. Huwa wieġeb li mhux ħati għall-akkużi kollha.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, staqsiet għaliex l-akkużat ma ġiex imħarrek b’ċitazzjoni minflok ma ġie arrestat. L-Ispettur Antonello Magri spjega li, minkejja li l-assessjar tar-riskju fuq il-vittma kien baxx, ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni jibqa’ meħtieġ li jitressaq fkl-immedjat, u żied jgħid li l-vittma tibża’ mill-akkużat.

Id-difiża, rappreżentata mill-avukat Nicholas Mifsud, talbet għall-ħelsien mill-arrest billi sostniet li l-provi kollha diġà nġabru u li ma kienx hemm bżonn li l-akkużat jiġi arrestat għal dawn l-akkużi.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda ordnat kundizzjonijiet stretti fosthom depożitu ta’ €2,000, garanzija personali ta’ €5,000 u ‘curfew’.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri, waqt li l-avukat Jason Azzopardi deher għall-parti ċivili, u l-avukat Nicholas Mifsud deher għad-difiża.