Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Waħda mil-lezzjonijiet politiċi li mhux dejjem jittieħdu anzi li jiġu injorati hija propju din. Nisimgħu b’ħafna diskors fuq kemm ittieħdu deċiżjonijiet mgħaġġla, propjament tifħir. Imma fihom nagħrfu wkoll in-nuqqas ta’ preċiżjoni u attenzjoni li kull deċiżjoni politika timmerita.
F’dak li meta wieħed iqis sew ikun ukoll aktar attent għal dawk li se jintlaqtu u wkoll għal kif din se ssarraf verament f’effiċjenza biex issolvi problema. Aktar ma tkun immirata u kalkulata kif għandha tant aħjar. Aħjar aktar milli wieħed jitkaxkar f’toroq fejn ma jistax idur lura minnhom għax qabadhom mingħajr ma kkalkulhom minn qabel.
Baqgħu l-istess?
F’mumenti huwa minnu li popli jkunu eżasperati b’sitwazzjoni soċjali li kull soluzzjoni tispiċċa tajba l-aqwa li tibdel. Anki jekk aktar ’il quddiem isibu li mit-taġen qabżu dritt fin-nar.
Forsi f’ħafna anki dak li għaddej minn Gaża u Israel huwa f’dan. Storiku Amerikan Charles Loch Mowat (1911-1970) wara ż-żewġ gwerer mondjali kien kiteb hekk, “The war had both changed things and left them the same. Some changes soon ceased to be remarkable or were absorbed into the system.”
Il-gwerra sija bidlet ċerti affarijiet kif ukoll ħalliethom l-istess. Ċertu tibdiliet malajr ma baqgħux hekk jew ġew mixruba lura mis-sistema. F’dan wieħed irid jistaqsi fejn se nkunu wara l-ftehim li ġie mħabbar biex il-kunflitt u l-attakki li kienu għaddejja jieqfu.
Ħarget mill-idejn
F’ħafna s-sitwazzjoni kienet għal raġunijiet varji ħarġet mill-kontroll. Il-proċess biex tirbaħ il-vuċi tas-sewwa u tipprevali l-paċi kienet f’kollox mitlufa u kważi abbandunata. Kien hemm bżonn sforz qawwi li jidher li fl-aħħar sar.
Konna sejrin lejn anarkija totali u inkontrollabbli. Bnedmin li għandhom u kapaċi jsibu soluzzjoni ġabu ruħhom fil-pożizzjoni fejn ma jistgħux weħidhom u jridu oħrajn. Meta l-vjolenza tipprevali u l-kawtela titwarrab kull naħa ssir ugwali. Għandha x’għandha fl-istorja tagħha. Għandhiex demokrazija vera jew ċiviltà twila ssir l-istess meta tagħrafx li hemm mument meta trid tiġbed lilha nnifisha lura u tieqaf.
Ħarsa fit-tul
Il-politiku veteran Lord David Howell (1936) din s-sena ppubblika ktieb ieħor ġdid bit-titlu Avoiding the Coming Anarchy. A short book for optimists in dangerous times. Hu jgħid hekk, “Great dangers lie ahead, but they are not inevitable. Avoidance is possible. Tables can be turned. Powerful undercurrents, often little understood or discussed, can be harnessed at least to stave off catastrophe, or even to take us in the direction of better times and a safer world.”
Perikli kbar hemm quddiemna, imma ma humiex inevitabbli. Jistgħu ma jseħħux. Il-pożizzjoni tista’ tinbidel. Sottokurrenti qawwija, ħafna drabi ftit mifhuma jew diskussi, jistgħu jigu kontrollati almenu sal-punt li tinżamm lura katastrofi, u wkoll biex teħodna fid-direzzjoni ta’ żminijiet aħjar u f’dinja iktar sigura.
Hekk hija l-pożizzjoni li għandha tiżviluppa. It-tama tagħna hija f’dan propju li fil-ftehim li seħħ u nittamaw li se jiġi attwat sal-punt li hemm bżonn.
Ħrigna minn Annus Horribilis?
Skont dak li seħħ u dak li ġie maqbul bejn il-partijiet u l-Istati Uniti, il-Qatar, l-Egittu u t-Turkija u diversi pajjiżi oħra kollox idur ma’ dawn il-jiem li ġejjin.
Nittamaw li jseħħ li l-ostaġġi ħajjin jiġu verament rilaxxati u l-mejtin identifikati u mgħoddija kif ukoll fuq naħa l-oħra l-prigunieri u d-detenuti Palestinjani.
Dan huwa parti minn dan il-ftehim ta’ seba’ punti li jrid jitwettaq fi tnejn u sebgħin siegħa. Huwa pass ’il quddiem fil-ħidma li l-politika barranija Amerikana mmexxija mill-Presidenza ta’ Donald Trump wettqet.
Jista’ jkun hemm min hu xettiku u sakemm jara l-paċi verament ma jemminx. Hemm min ukoll ma jarax dan bħala pass li sar fi żmienu, li seta’ sar qabel. Aktar u aktar li dan seħħ taħt id-direzzjoni ta’ persuna li għadu kif iddikjara li jobgħod l-ghedewwa tiegħu u f’pajjiżu għaddejja wisq azzjonijiet politiċi ħżiena ta’ tpattija. Hu però x’inhu, illum dan il-ftehim sar u hemm u se jkun hemm l-effett tiegħu.
Konsegwenzi
Il-kawtela politika titlob f’dan attenzjoni imma almenu jidher li hemm triq li tista’ tmexxina lura lejn il-paċi. It-tama tagħna hija dik li din tagħlaq darba għal dejjem il-kwistjoni ta’ żewġ stati li jgħixu flimkien u li nafu li ilha ġejja u sejra.
Konsegwenza wkoll tal-fatt li numru ta’ stati, tagħna inkluż, irrikonoxxew issa l-Istat Palestinjan. Hemm punti ta’ konvergenża politiċi li issa jafu jiftħu fl-immedjat kif se ssir ir-rikostruzzjoni ta’ Gaża. F’dan pajjiżna tilef ftit punti fl-abbiltà tiegħu li jkun vuċi kostanti għall-paċi spalla ma’ spalla ma’ oħrajn.
Forsi aktar
Stajna forsi sostnejna aktar sija qabel lil Papa Franġisku kif ukoll illum lil Papa Ljun. F’proċess ta’ awtokritika naħseb li stajna konna aktar viċin, u użajna aktar il-vuċi tagħna biex ninsistu kontra kull kurrent li l-paċi setgħet tinkiseb. Stajna konna aktar ġenerużi milli konna u emmina wkoll li ftehim jista’ jseħħ.
F’dan aktar fejn nomini għan-Nobel ma tantx huma propju f’posthom. Kemm għalhekk se nkunu parti attiva fil-bini mill-ġdid tal-post u kemm se jkun hemm ftuħ għall-Maltin f’dan għad irridu naraw. Nittama iżda li se nikkontribwixxu verament aktar lil dawk li abbandunajna qabel, f’din li tista’ tkun paġna ġdida.
Eudaimonia
Il-Griegi u speċjalment il-filosfu eċċellenti Aristotli (384-322QK) jikteb fuq dan il-kunċett. Kif tibni nazzjon li jkun suċċess fl-abbundanza. Kif ikollok fih dak il-pedament ta’ virtujiet fundamentali, moralità, fejn hemm sens u skop veru fil-ħajja tal-bniedem.
Proġett li għandu jkun hemm għal kull poplu. Dak Palestinjan aktar issa li qiegħed forsi fil-bidu ta’ ħajja demokratika ġdida. Dak li għandu bżonn għajnuna soda mhux neċessarjament lezzjonijiet biex jibni aktar lura lilu nnifsu fil-paċi.
F’dawn is-sentejn kien hemm wisq imwiet u dan kien kollu żball kbir propju minħabba l-attakk mill-iktar kundannabbli tas-7 ta’ Ottubru. F’dan nittamaw fil-kawtela tal-kattari li l-paċi tirrenja u l-ġid jitwettaq.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 14 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>