Opinjoni

OPINJONI – LIT-TFAL KOLLHA: Nassigurawlhom futur san

Hu fl-interess tagħna li naħdmu biex lit-tfal tal-lum mhux biss ngħaddulhom pajjiż tajjeb u b’valuri sodi imma wkoll li jkollhom formazzjoni ta’ karrattru tajjeb biex b’hekk ikunu ċittadini denji

Albert Buttigieg
Shadow Minister
għan-Newrodiversità
u l-Ħarsien tat-Tfal

Bil-Malti ngħidu li t-tfal huma “l-mimmi ta’ għajnejna”.
Din l-espressjoni tfisser lit-tfal huma ta’ importanza kbira f’ħajjitna. Għalkemm pajjiżna, bħal pajjiżi oħra, qiegħed jinbidel mal-mgħoddija tas-snin u għalkemm qiegħed ukoll ikollna rata baxxa ta’ twelid, xorta jibqa’ l-fatt li aħna l-Maltin inħobbu t-tfal. Għat-tfal nagħmlu kull sagrifiċċju. Ilkoll naqblu li rridu l-ġid ta’ wliedna.
Nistqarr personalment li għalkemm f’ħajti kelli diversi esperjenzi sbieħ, żgur li l-isbaħ esperjenza hi meta twieled it-tifel tiegħi, Adam. Ninsab ċert li l-maġġoranza tagħna jaħsbuha bħali.

Sfidi iebsa
Imma l-isfidi u d-diffikultajiet li kellna aħna meta konna żgħar mhumiex id-diffikultajiet li għandhom it-tfal illum. Illum it-tfal għandhom quddiemhom numru ta’ sfidi differenti. Fost dawn l-isfidi, hemm l-isfida lit-tfal mhumiex qegħdin jgħixu t-tfulija tagħhom.
Donnhom it-tfal mhumiex jitħallew jgħixu bil-kwiet dan iż-żmien tagħhom u allura qegħdin jikbru mill-ewwel. Nemmen li rridu nagħtuhom iċ-ċans li jkunu tfal!
Sfida oħra lit-tfal għandhom hija li għalkemm il-familja għadha b’saħħitħa imma huma diversi tfal li għandhom tnejn jew saħansitra tliet familji li jridu jduru u jgħixu fihom. Dan qed iwassal għal ċerta instabbiltà fil-ħajja tagħhom. Barra minn hekk, il-komunitajiet fejn jgħixu tilfu wkoll is-sens ta’ komunità.
Dan qed iwassal it-tfal minn ċkunithom jitilfu huma wkoll is-sens ta’ komunità u minflok jaħsbu għal rashom. L-esperjenza turina li dan iwassal aktar ’il quddiem għal sens qawwi ta’ egoiżmu u individwaliżmu. Hemm ukoll l-isfida ta’ teknoloġija li daqskemm tista’ tagħmel ġid, tista’ sservi ta’ ħsara, barra numru ta’ sfidi oħra.
Minn naħa l-oħra, it-tfal ta’ llum għandhom diversi opportunitajiet ukoll. B’differenza għal meta konna tfal aħna, illum it-tfal għandhom diversi opportunitajiet biex huma jimmaturaw.
Għalkemm fit-tfulija kellna numru ta’ għaqdiet, speċjalment għaqdiet tal-parroċċa, illum hawn diversi għaqdiet oħra, fosthom dawk sportivi, kulturali u oħrajn. L-esperjenza turina li meta t-tfal jattendu għal dawn l-attivitajiet, it-tfal ikunu aktar maturi u responsabbli.
Huwa f’dan il-kuntest li lqajt b’sodisfazzjoni l-istedina li għamilli l-Kap il-ġdid tal-PN, Alex Borg. Talabni biex inkun kelliem għall-ħarsien tat-tfal.
Qabel din il-kariga kont kelliem għall-familja. B’hekk issa ħareġ aktar ċar il-messaġġ tal-importanza tal-familja, fil-wisa’ tat-tifsira li għandha llum, għall-formazzjoni tal-karattru tat-tfal.
L-esperjenza turina biċ-ċar lit-tfal tagħna jitilgħu aktar b’saħħithom fil-karattur tagħhom meta jkunu mrobbija f’kuntest ta’ familja tajba. Dan ma jfissirx li ma hemmx eċċezzjonijiet imma jidher ċar li l-familja hija l-pedament mhux biss tas-soċjetà imma anke tal-karrattru ta’ wliedna.
Fl-istess waqt li ġejt mogħti din ir-responsabbiltà, ġejt mitlub ukoll biex inkun kelliem għan-newrodiverġenza.
Diversi kienu dawk li staqsewni xi tfisser din il-kelma. Din il-kelma tiġbor lil dawk it-tfal kollha li għandhom l-esperjenza ta’ ADHD, dyspraxia, awtiżmu u oħrajn.
Illum il-ġurnata l-istudju jurina li dawn it-tfal mhumiex persuni meqjusa bħala diżabbli daqskemm li għandhom mod diverġenti/differenti ta’ kif jaħsbu u jgħixu.

Opportunitajiet lil kulħadd
Għalkemm ma għandix statistika li turi eżattment kemm għandha tfal b’dawn l-esperjenzi, kulħadd jaf li fostna għandna diversi tfal u familji li jgħixu ta’ kuljum din ir-realtà. Dawn huma ċittadini u tfal daqs oħrajn u għandhom jingħataw kull opportunità biex huma, mhux biss jgħixu t-tfulija tagħhom, imma jkunu protagonisti fis-soċjetà tagħna bil-mod tagħhom.
Għaldaqstant, bħala partit politiku ridna nwasslu messaġġ ċar. Ridna nkunu sensittivi mhux biss għalihom imma anke għal diversi ġenituri/familji li ta’ kuljum jgħixu din ir-realtà. U dawk li jgħixu din ir-realtà, jafu sew li mhix triq faċli.
Sfortuntament ċertu attitudnijiet ta’ soċjetà, tas-sistemi edukattivi u anke ċerti deċiżjonijiet politiċi ma jgħinux lil dawn it-tfal/familji. Għalkemm għamilna passi ’l quddiem, xorta hemm diffikultajiet li dawn it-tfal u l-ġenituri tagħhom iridu jegħlbu ta’ kuljum.
Għaldaqstant, bħala kelliem għal ħarsien tat-tfal qiegħed inpoġġi dawn it-tfal/familji fuq quddiem għaliex verament nemmen fil-valur tal-inklużjoni. Flimkien man-naħa tal-Gvern u ma’ numru ta’ NGOs li jaħdmu f’dan is-settur irridu naħdmu b’għan wieħed.

Il-futur ta’ pajjiżna
It-tfal mhumiex biss il-preżent ta’ pajjiżna imma huma anke l-futur tagħna lkoll. Tajjeb li niftakru li għoxrin, tlettin, erbgħin sena oħra ħafna minna nkunu mxejna l-mixja tal-ħajja kollha tagħna u nkunu nġbarna ma’ missirijietna! Dan ifisser lit-tfal tal-lum u ta’ għada ser ikunu ċ-ċittadin ta’ dan il-pajjiż!
Issa, l-istudju u l-esperjenza turina biċ-ċar li jekk it-tfal ikollhom esperjenza ħażina, trawmatika, jew qarsa ta’ tfulija, il-probabbiltà hija li huma jkollhom l-fażi l-oħra ta’ ħajjithom ikunu bl-istess mod. Dan iwassal għal diversi problemi serji, kemm fuq livell personali għalihom u kemm fuq livel ta’ soċjetà.
Għalhekk huwa fl-interess tagħna lkoll li naħdmu qatigħ biex dawn it-tfal mhux biss ngħaddulhom pajjiż tajjeb u b’valuri sodi imma wkoll li huma jkollhom formazzjoni ta’ karattru tajjeb biex b’hekk ikunu ċittadini denji li jkomplu jagħtu ġieħ lil dan in-nazzjon.
Il-ħidma tagħna trid tkun favur it-tfal kollha… kollha!

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ Otttubru, 2025.