Lokali

Raġel arrestat wara li allegatament prova jisraq mutur fiż-Żejtun

Raġel ġie arrestat wara rapporti ta’ serq ta’ muturi f’diversi lokalitajiet.

Skont kelliema għall-Pulizija, jidher li l-Ħadd filgħaxija raġel allegatament beda jipprova jisraq mutur f’Dawret Ħal Tmin fiż-Żejtun. Bil-Pulizija tmur fil-post u ssib mutur wara siġra li kellu ħsarat mal-ignition.

Intant, il-Pulizija bdiet tfittxija fil-post u nstab raġel li fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat minn xhieda. Kien propju għalhekk li r-raġel li huwa mil-Litwanja ġie arrestat.

Ir-raġel se jkun qed jitressaq il-Qorti matul il-ġurnata quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar numru ta’ muturi misruqin f’diversi lokalitajiet wasslu għall-arrest ta’ mill-inqas ħames persuni oħra li attwalment għaddejin proċeduri fil-Qorti.