Lokali Qorti

Sentenza sospiża u rifużjoni tal-flus iffrodati fil-konfront ta’ anzjana f’każ ta’ frodi romantiku

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ordnat mara ta’ 45 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li taħdem bħala LSE tħallas lil mara anzjana l-flus iffrodati minnha meta qarrqet biha f’każ ta’ frodi romantiku. Annabelle Azzopardi, li nstabet ħatja ta’ reati ta’ ħasil ta’ flus u riċettazzjoni, ingħatat sentenza ta’ 14-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.

Il-prosekuzzjoni sostniet li bejn Awwissu u Diċembru 2023, l-imputata kienet irċeviet u ttrasferiet fondi li kienu provenjenti minn attività kriminali — frodi sofistikata li rat lilanzjana ta’ 71 sena, tkun vittma ta’ scam internazzjonali ta’ “romance fraud”.

Mill-provi nstema’ li l-anzjana kienet saret vittma ta’ individwu li ppoża bħala Dr. Luis Henrik”, tabib Amerikan allegatament jaħdem mar-Red Cross fil-Jemen. Permezz ta’ messaġġi fuq Facebook Messenger, Google Hangout, u WhatsApp, huwa kien ipperswadiha tibgħat flus biex tgħinu “joħroġ mill-Jemen” u jivvjaġġa lejn Malta biex “jiltaqa’ magħha u jikkuraha mid-dipressjoni”.

Waqt dawn il-komunikazzjonijiet, il-vittma kienet imġiegħla tħallas ammonti sostanzjali f’kontijiet differenti taħt diversi pretesti, fosthom il-ħlas ta’ “permessi doganali” u “ċertifikati internazzjonali”. Bejn l-10 ta’ Awwissu u d-9 ta’ Novembru 2023, il-vittma bagħtet ħames pagamenti li jammontaw għal €4,950 fil-kont bankarju ta’ Annabelle Azzopardi.

Dawn il-pagamenti kienu ssuġġeriti mill-frodista bħala ħlasijiet lejn l-awtoritajiet tat-Turkija biex jinfetħu t-triq għal vjaġġ lejn Malta. Minn dawn il-flejjes, Azzopardi ttrasferiet €3,345 lejn kontijiet fil-Greċja intestati lil Ella Shevela jew Shevela Ella Georgi, waqt li żammet €1,400 fil-kont tagħha.

Azzopardi, li taħdem bħala Learning Support Educator, ammettiet li rċeviet dawn il-pagamenti iżda sostniet li ma kellha x’taqsam xejn mal-frodi. Fil-verżjoni tagħha, hija spjegat li kienet għamlet relazzjoni personali ma’ ċertu Sunny Ogiemwongi, ċittadin Niġerjan jgħix fit-Tessaloniki, fil-Greċja, li kien talabha tagħtih id-dettalji tal-kont tagħha biex jgħin “ħabib tal-familja” jagħmel ħlas minħabba li hu ma kellux kont bankarju.

Sunny kien jikkonvinċiha li t-transazzjonijiet kienu “safe” u kollha legali. L-imputata qalet li kienet bdiet tħossha mhux komda meta bdew jidħlu aktar pagamenti milli kienet mistenni u talbet lil Sunny biex ma jibgħatilhiex aktar flus.

Matul ix-xhieda tagħha, Azzopardi sostniet li kienet żammet parti mill-flus biex tixtrilu affarijiet bħal ‘cooker’ u kamra tas-sodda, u biex tħallas biljett tal-ajru. Sunny, imsejjaħ bħala xhud tad-difiża, ikkonferma li hu kien talabha tuża l-kont tagħha biex jgħin lil “ħabib tal-kuġin tiegħu mill-Pakistan”, iżda ammetta li eventwalment skopra li l-istorja ma kinitx vera.

Il-Qorti osservat li ma kien hemm ebda prova li Azzopardi kienet involuta direttament fil-frodi jew li kellha kuntatt mal-vittma anzjana, iżda nnotat li hija aċċettat flus provenjenti minn attività kriminali u ddisponiet minnhom, billi ttrasferithom lil kontijiet oħra.

Il-Maġistrat Montebello enfasizzat li l-prosekuzzjoni mhix meħtieġa tipprova sentenza ta’ kundanna għall-attività kriminali sottostanti, iżda biżżejjed turi li l-flejjes kellhom oriġini kriminali — f’dan il-każ, frodi kontra l-vittma.

B’hekk, il-Qorti kkonkludiet li l-flus li Azzopardi rċeviet kienu frott ta’ attività kriminali u li hi kienet involuta fl-att ta’ akkwist, pussess u trasferiment ta’ proprjetà li kienet oriġinat minn frodi. Il-proċeduri komplew bil-valutazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ Azzopardi fir-rigward tal-element ta’ għarfien jew suspett dwar l-oriġini tal-flejjes u jekk il-verżjoni tagħha, li kienet qed tgħin lil sieħeb tagħha Sunny Ogiemwongi, setgħetx titqies bħala skuża raġonevoli.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tas-somma ta’ €4,950, liema somma tikkostitwixxi ir-rikavat mir-reat ta’ riċettazzjoni, liema somma hija wkoll diġà sekwestrata fil-kont bankarju tal-ħatja. Sadanittnat bl-applikazzjoni tal-artikolu 533 tal-Kodiċi Kriminali, tordna wkoll lill-ħatja tħallas lir-Reġistratur tal-Qorti s-somma ta’ €2,895.72ċ, somma rappreżentanti l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ periti u esperti fil-proċeduri.
.