Ġuvni Litwan ta’ 32 sena, Mantas Antulis, li m’għandux indirizz fiss f’Malta, tressaq il-Qorti akkużat bis-serq aggravat ta’ mutur miż-Żejtun u li għamel ħsara fuqu b’mod volontarju. Antulis, li jaħdem bħala foreman, ammetta l-ħtija tiegħu quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia. Huwa ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u ngħata sentenza sospiża.
Il-Pulizija kienet irċeviet rapport li persuna kienet dehret tisraq mutur u tmexxih għal post ieħor. L-akkużat ġie misjub fil-qrib jipprova jħawwad is-sistema tal-ignition, u ġie arrestat fuq il-post. Fil-viċin instab ukoll jet lighter.
Matul l-interrogazzjoni tiegħu, Antulis qal lill-Pulizija li kien xorob flixkun whisky kollu u għalhekk seraq il-mutur biex imur id-dar, hekk kif kien wasal Malta l-weekend ta’ qabel.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi James Mallia, Wayne Bonello u Jeffrey Scicluna Briffa flimkien mal-avukat tal-Avukat Ġenerali Miryea Mifsud, qalet li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-investigaturi u għalhekk kienet favur sentenza sospiża fil-massimu tagħha. Id-difiża, rappreżentata mill-avukat Victor Bugeja, kienet taqbel ma’ dan il-proponiment.
Il-Qorti kkundannat lil Antulis għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, u ordnatlu jħallas €80 bħala kumpens lis-sid tal-vettura — somma li tirrifletti l-ammont ta’ ħsara li saret.
//= $special ?>