Dik ġurnata li ma nista’ ninsieha qatt. 50 sena wara l-memorja għadha ċara f’moħħi. Kelli 21 sena dak iż-żmien. Kont għadni nistudja, fil-fatt dak il-ħin li sploda l-ajruplan kont l-MCAST flimkien mat-tfajla tiegħi, li aktar tard iżżewwiġt. Konna qegħdin fit-tielet sular u rajna din l-isplużjoni, u t-tfajla staqsietni fejn tiġi dik id-daħna li bdejna naraw. Għedtilha li xi mkien lejn Raħal Ġdid, minn kif stajt nara. Kien il-ħin li mmorru d-dar wara kors għat-teaching, li konna fit-tieni sena tiegħu. It-tfajla marret lejn darha f’Birkirkara, u jiena ġbidt lejn Ħaż-Żabbar f’tal-linja.
Hekk beda jirrakkonta Mario Zammit meta laqagħni f’daru għal intervista qasira fuq l-inċident traġiku ta’ bħal-lum 50 sena. Inċident li ħalla sitt vittmi, fosthom lil Vincenza Zammit, omm Mario.

Mario kompla jgħid li hekk kif wasal ħdejn l-arkata tal-Fgura, li tagħti għal Ħaż-Żabbar, ix-xufier tal-linja waqqaf il-karozza u qal lill-passiġġieri biex jinżlu għax it-triq magħluqa.
“Xħin smajt hekk jien qalbi għamlet tikk. Għedt mela la hu hekk, xi ħaġa kerha ġrat f’Ħaż-Żabbar. Tinsiex dak iż-żmien mingħajr internet u midja soċjali u l-aħbarijiet ma kinux jiġru bħal-lum. Imbagħad qbadt nimxi, għaddejt minn quddiem il-knisja u rajt il-ħruq u l-ħerba li kien hemm. Iċċekkjajt il-bieb tan-nanna, qrib ħafna tad-dar fejn konna noqogħdu aħna, rajt il-bieb maħruq u n-nanna ma kinetx hemm. Immaġinajt li jew ġiet għandna jew ġew xi zijiet għaliha.”

Mario qalli li kien jaf li ommu kienet normalment tmur għand in-nanna kuljum għall-ħabta ta’ nofsinhar għax hi kellha ħanut fil-pjazza ta’ wara l-knisja u normalment ma’ nofsinhar kienet tmur id-dar, tibda tipprepara l-ikel biex xħin jiġi hu u missieru jieklu flimkien. Oħtu kienet ilha sena miżżewġa f’Palermo fejn għadha sal-lum. Jiġifieri meta l-isplużjoni ġrat wara s-1pm qatt ma seta’ jkollu biża’ li setgħet kienet involuta f’dan l-inċident.
Kompla jirrakkonta Mario: “Aħna konna noqogħdu Felice Street, int u nieżel Triq is-Santwarju, iddur lejn ix-xellug u tiġi wara fejn kien hemm ir-Royal Cinema, ftit bogħod mill-iskola. Wasalt id-dar fejn stennejt li se nara lil ommi u forsi wkoll lin-nanna, u ma sibt lil ħadd, l-ebda sinjal li l-mamà ġiet u xi ftit inkwetajt. Imma ħsibt li forsi marru għand iz-zija. Fi żmien meta konna għadna ma ħlomniex bil-mobile, mort għand iz-zija, li kienet toqgħod il-Fgura u sibt hemm liz-zija u lin-nanna. Staqsejthom fuq il-mamà u qaluli li ma kinux jafu fejnha. Allura jien stennejt hemmhekk. Eventwalment ġie missieri wara ftit u qalilna li staqsa lill-pulizija u qalulu li l-isptar hemm persuna mejta u qalulu li jekk ma jistax isib lil martu aħjar li jmur sal-isptar u jiċċekkja ftit.”

Mario qalli li missieru mar l-isptar u hemm qalulu li hemm mara mejta u jekk irid jista’ jmur jaraha fil-kamra mortwarja. Mar u identifikaha, mhux minn wiċċha għax kienet maħruqa minn fuq s’isfel, “unrecognisable”, qalli binha Mario. Spjegali li bil-blast u n-nar ixxarrbet anki bil-petrol u fil-fatt meta wara tawhom xi affarijiet tagħha, bħal portmoni u hekk, l-affarijiet kienu għadhom bir-riħa tal-petrol. Irriżulta li l-blast remieha lura b’saħħa u hi nħarqet min-naħa ta’ quddiem tagħha. Missieru għaraf lil martu miċ-ċrieket, mill-basket u xi affarijiet oħra personali li kellha fuqha.
Mario qal li lil ommu ma rahiex f’dak l-istat għax missieru ma ħallihx. Riedu jibqa’ jiftakarha kif dejjem kien jafha mhux kif saret kawża ta’ dan l-inċident tabilħaqq sfortunat.
Wara saru jafu d-dinamika tal-inċident. Dak iż-żmien Vincenza kienet tbigħ affarijiet konnessi mal-ħjata bħal drapp u affarijiet hekk. Inzerta li dakinhar waslitilha kunsinna ta’ drappijiet u kif sar il-ħin biex tagħlaq il-ħanut, minflok marret mill-ewwel għand ommha f’nofsinhar kif dejjem għamlet, baqgħet ftit ieħor tiċċekkja l-affarijiet li waslulha u tpoġġihom f’posthom, peress li l-affarijiet waslulha għall-ħabta ta’ nofsinhar. Għaġla ma kellhiex għax kienet taf li r-raġel u t-tifel jaslu aktar tard u għalhekk ħarġet mill-ħanut għall-ħabta tas-siegħa.
Kompla Mario: “Ħarġet mill-ħanut u bdiet miexja lejn id-dar tan-nanna. Qabel għaddiet tixtri xi affarijiet għand il-ħanut tal-grocer li kien faċċata u mbagħad qasmet it-triq biex tmur għand in-nanna. Dak il-ħin waqgħu l-bċejjeċ tal-ajruplan imma hi ma ntlaqtitx mill-ġwejnaħ li waqgħet fi Triq is-Santwarju imma ġie fuqha u qatilha l-petrol jaqbad li ħareġ mill-ajruplan. Nar li kien diġà qed jaqbad meta l-ajruplan reġa’ tela’ ’l fuq biex jagħmel crash landing fuq ir-runway. U peress li n-nar kien diġà qiegħed hemm kawża tad-daqqa li kien ħa mal-inżul ħażin tiegħu għax ħabat mal-ħamrija minflok fuq ir-runway, in-nar mess mal-kompartament tal-fuel, u sploda.”
Staqsejt lil Mario jekk hux vera d-diċerija li ommu ma kienet qatt telgħet fuq l-ajruplan qabel dan l-inċident. Qalli li dik tingħad bosta drabi imma mhijiex minnha għaliex peress li oħtu kienet għarusa u mbagħad miżżewġa f’Palermo, Sqallija, ommu siefret drabi oħra mal-familja, kemm bl-ajruplan u anki bil-vapur. Ħafna drabi kienet tmur Katanja u mbagħad jivvjaġġaw lejn Palermo.
Lura għall-inċident fatali ta’ Vincenza Zammit, staqsejt lil Mario kif ħadha l-aħbar tal-mewt ta’ ommu. “Bqajna nistennew sigħat għand iz-zija sakemm ġie missieri mill-isptar imbikkem u tana l-aħbar kerha. Il-ġurnata kienet inzertat it-Tlieta, bħal din is-sena f’għeluq il-50 anniversarju.” Il-funeral ta’ Vincenza Zammit sar ftit jiem wara, is-Sibt, sakemm ġiet it-tifla tagħha minn Sqallija.
Staqsejtu kif jiftakarha lil ommu. “Il-mamà kienet mara qalbha tajba u paċenzjuża. Kienet tipprova tgħin lil kulħadd, min ried iħit xi ħaġa kienet titlaq kollox minn idha u tispjegalha bil-paċenzja kollha. Kienet mara li ħadmet kemm setgħet għall-familja, kulħadd hekk kien jafha. Imbagħad il-piż waqa’ kollu fuq missieri.”
Illum, 50 sena wara, f’moħħ Mario l-ġurnata tat-Tlieta 14 ta’ Ottubru 1975 għadha stampata f’moħħu bid-dettalji kollha tagħha. Fl-okkażjonijiet kollha li qegħdin isiru f’Ħaż-Żabbar bħalissa, partikolarment dawk li saru s-Sibt li għadda u dawk li se jsiru llejla, hu qed ikun preżenti flimkien mal-familjari tal-ħames vittmi l-oħra. L-għażiża ommu Vincenza, naturalment, kienet u tibqa’ f’qalbu.
//= $special ?>