Il-Kurja tal-Arċisqof se tkun miftuħa għall-pubbliku matul il-jum kulturali annwali tal-Floriana, Ġenna ta’ Ġonna. Dakinhar il-pubbliku hu mistieden iżur il-binja storika tal-Kurja, partikularment b’aċċess għall-bitħa, il-kripta, il-kappella tal-Madonna ta’ Manresa, is-sagristija u r-refettorju – spazji li matul is-snin offrew wens spiritwali u servizz pastorali. Fil-bitħa se jkun hemm ukoll rokna ta’ talb u riflessjoni.
Ġenna ta’ Ġonna qed tiġi organizzata għall-15-il sena konsekuttiva u tipprovdi opportunità lill-parteċipanti jiskopru u jgawdu l-wirt storiku, kulturali u ambjentali li toffri l-Furjana.
Matul il-ġurnata, Ġnien il-Mall se jkun armat b’diversi stands, filwaqt li se jsiru wkoll attivitajiet kulturali u edukattivi f’kollaborazzjoni ma’ kumpaniji privati, entitajiet, gruppi komunitarji u NGOs.
Il-Kurja tal-Arċisqof se tkun miftuħa għall-pubbliku nhar il-Ħadd 19 ta’ Ottubru, bejn id-9am u l-5pm. Għal aktar tagħrif żur knisja.mt.
