Afganistan-Pakistan
Is-sitwazzjoni bejn il-Pakistan u t-Taliban li qed imexxi lill-Afganistan kompliet tiggrava fost il-ġlied regolari fl-inħawi tal-fruntiera komuni…Dan waqt li l-Gvern f’Islamabad u t-Taliban akkużaw lil xulxin bħala ‘l-instigaturi’ tal-battalji ġodda tal-aħħar ġranet.
L-Armata tal-Pakistan qalet li s-suldati tagħha, fl-aħħar sigħat, qatlu mal-20 ġellied Afgan tat-Taliban, b’diversi ġellieda oħra jisfaw midruba fost il-battalji fid-distrett ta’ Spin Boldak.
Iżda l-kelliema għall-Gvern Talibani qed jakkużaw lill-Pakistan b’li qed jikkonċentra l-attakki anki fuq iz-zoni taċ-ċivili..Dan fost rapporti – mhux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti — li nqatlu 12-il ċivili Afgani fost il-bumbardamenti li anki ħallew ‘il fuq minn 100 midruba.
Il-vjolenza bejn il-Pakistan u t-Taliban saret aktar regolari mindu, il-ġimgħa l-oħra, seħħew sensiela ta’ splużjonijiet fl-Afganistan.
Intant, it-Taliban qed jakkuża direttament lill-Pakistan għal din l-aggressjoni diretta fuq pajjiżu. Dan meta t-Taliban ċaħad li qed jipprovdi l-kenn lit-terroristi li qegħdin iwettqu l-attakki fl-artijiet tal-Pakistan.
Hu minnu, sadanittant, li l-Pakistan u t-Taliban, fil-preżent, qed jiġġieldu wkoll gwerra fuq il-media soċjali permezz ta’ messaġġi u filmati biex jikkonvinċu lill-pubbliku li ‘tan-naħa l-oħra’ qed jaħtu għal din l-aħħar splużjoni ta’ vjolenza mal-fruntiera komuni.
//= $special ?>