Internazzjonali

Arġentina: Pressjoni akbar fuq Milei biex jirbaħ l-elezzjoni ta’ dan ix-xahar

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa lill-Arġentina li Washington ‘mhux se jitlef akar żmien biex jgħin lil dan il-pajjiż’ f’każ li l-partit tal-President Arġentin, Javier Milei, ma jirbaħx l-elezzjonijiet leġislattivi tas-26 ta’ Ottubru….Elezzjonijiet li jaqgħu eżattament f’nofs il-mandat presidenzjali ta’ Milei.

L-Istati Uniti, fl-aħħar ġranet, għaddiet għajnuna finanzjarja – ekwivalenti għal aktar minn 20 biljun ewro – lill-Arġentina biex ittaffilha l-kriżi finanzjarja enormi li għaddejja minnu bħalissa.

Intant, Donald Trump, li, fl-aħħar sigħat, kien qed jilqa’ lil Javier Milei fil-White House, ammetta li din l-għajnuna, fost oħrajn, hi intiża biex ‘iddawwar’ ir-riżultat tal-elezzjonijiet  li jmiss favur Milei. Dan fi żmien meta dan il-President kontroversjali qed jitlef  aktar appoġġ fost il-familji u foqra Arġentina li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja b’konsegwenzi tal-politika ekonomika xprunata minn Javier Milei.

Fil-fatt, l-elezzjonijiet ta’ dan ix-xahar huma ‘kejl’ dwar kemm l-Arġentini jridu li Milei ikompli bl-aġenda tar-riformi għall-‘cost cutting’ min-naħa tal-Gvern u b’riformi oħrajn relatati mas-suq ħieles.