Sena ilu l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Daniel Attard qalilna li ried jara studju dwar kemm verament it-traffiku żdied – iżda t-tħassib tal-poplu jindika b’mod ċar, storja oħra.
Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, il-konġestjoni ta’ traffiku kienet meqjusa bħala waħda esaġerata; bil-Ministri jgħidulna li dan kien kollu tort tax-xita – għalkemm fil-jiem li segwew it-traffiku ssokta – anke f’waqtiet ta’ temp sabiħ u xemxi.
Fil-jiem li għaddew il-Ministru Chris Bonett kien qed jiġi intervistat fuq ix-Xandir tal-Istat fejn qal li f’inqas minn għaxar minuti ħabta minuri titneħħa minnufih mit-triq biex tevita l-konġestjoni ta’ traffiku.
Dan filwaqt li ta’ x’jifhem li min pretenda li f’sena kien se jsolvi l-problemi ta’ traffiku li sab ma’ wiċċu stenna wisq; bil-Ministru Bonett saħaq li l-immaniġġjar ta’ traffiku f’numru ta’ żoni tjieb ħafna minn sena ilu ‘l hawn .
Bonett huwa ir-4 Ministru ta’ Trasport fl-aħħar 12-il sena ta’ Gvern Laburista – bil-kriżi ta’ traffiku flok naqset żdiedet – qalb it-tidal lanes tal-eks Ministru Joe Mizzi, it-toroq mwessgħin ta’ Ian Borg, il-perċezzjoni ta’ żmien Muscat, u l-festi tal-eks Ministru Aaron Farrugia.