F’perjodu ta’ għaxar ġimgħat, il-poplu Malti u Għawdxi ġabar is-somma ta’ €228,581.98 b’risq il-persuni fi tbatija kbira f’Gaża. Din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ġiet ikkoordinata minn Caritas Malta fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex.
Id-donazzjonijet ingħataw mill-parroċċi, komunitajiet reliġjużi, individwi f’Malta u Għawdex, kumpaniji u entitajiet oħra privati. Il-flus miġbura għaddew lil Caritas Internationalis.
Sa mill-2023, Caritas Internationalis, flimkien mal-kollaboraturi tagħha, għenet aktar minn 1.7 miljun persuna f’Gaża permezz ta’ ikel, kenn u djar dinjitużi, ilma, sanità u iġene, għajnuna finanzjarja, u appoġġ psikosoċjali.
“Caritas Malta tinsab grata tas-sapport li l-poplu Malti u Għawdxi wera għal din is-sejħa u bis-somma miġbura se tkompli ssir iktar ħidma ma’ dawn il-persuni vulnerabbli f’Gaża,” sostna Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta. Żied jgħid, “Caritas Malta impenjata tkompli bil-ħidma tagħha u tirrispondi permezz tas-soċjetà Maltija fejn ikun hemm sejħiet ta’ emerġenza.”
Iktar kmieni din is-sena nġabret is-somma ta’ €31,485 b’risq il-persuni fil-Myanmar minħabba t-terremot qawwi li laqat lil dan il-pajjiż f’Marzu li għadda. Din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ukoll kienet ikkoordinata minn Caritas Malta fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex.
