Hemm bżonn ta’ diskussjoni miftuħa, li timxi b’attenzjoni f’dak li għandu x’jaqsam l-idea li f’pajjiżna tiġi introdotta s-sistema tal-4-day week.
Sostniet dan il-Kamra tal-Kummerċ hekk kif spjegat li filwaqt li dan huwa suġġett li qed jiġi diskuss madwar id-dinja kollha huwa essenzjali li jingħataw tweġibiet u soluzzjonijiet ċari.
Il-Malta Chamber spjegat li tali diskussjoni teħtieġ analiżi profonda u oġġettiva fl-interess ta’ min iħaddem, l-impjegati, u l-ekonomija. Għaldaqstant spjegat li rridu nimxu lil’hinn minn sempliċi stqarrijiet sabiex jingħata spazju għal feedback u evalwazzjonijiet.
Dan kollu intqal wara li anke l-General Workers Union proponiet li tiġi evalwata s-soluzzjoni ta’ shift ta’ 32 siegħa xogħol, filwaqt li meta kien mistoqsi dwar il-4-day week – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq li miftuħ għad-diskussjoni ta’ proġett pilota fuq parti mis-settur pubbliku ħalla bħala pajjiż naraw x’effetti jista’ jkun hemm – u jekk dan il-mudell ikunx jista’ jespandi għal aktar setturi, inkluż dak privat.
Il-Kamra tal-Kummerċ minn naħa tagħha sejħet għal kawtela hekk kif insistiet li qabel ma tiġi introdotta policy hemm bżonn ta’ studju soċjo-ekonomiku bil-għan li jiġu eżaminati l-impatti fl-immedjat u fit-tul għas-setturi ekonomiċi tal-pajjiż. Dan hekk kif intqal li jrid jiġi kkunsidrat ukoll il-possibiltà ta’ impatti negattivi – fost oħrajn – fil-produttività u l-kompetittività internazzjonali. Intqal li jekk jiġu injorati ċertu kuntesti bħall-produttività baxxa u l-qgħad baxx tista’ żżid aktar il-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema.
Finalment ġie spjegat li proposti mhux ibbażati fuq responsabbiltà jistgħu jkollhom jerfgħu l-piż tagħhom iċ-ċittadini.
Għaldaqstant il-Malta Chamber qed tisħaq għal aktar diskussjoni u studju – bil-għan li ġġib flimkien u tara b’mod ħolistiku s-setturi ekonomiċi kollha ta’ Malta u Għawdex partikolarment wara l-appelli tal-General Workers Union, u anke l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Thomas Bajada – li jinsabu miftuħin għal diskussjoni ċara sabiex il-pajjiż jibda jiddiskuti l-possibiltà tal-4-day week.