Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum temm iż-żjara uffiċjali tiegħu fi Brussell li kienet organizzata mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa, bħala parti mill-isforz tal-Partit Nazzjonalista biex isaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-politika Ewropea u jkompli jibni relazzjonijiet b’saħħithom mal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew.
Dalgħodu, Alex Borg indirizza l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Parlament Ewropew. Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN enfasizza l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jerġa’ jġib governanza tajba, rispett għas-saltna tad-dritt u tmexxija serja u kompetenti li taħdem għall-ġid tan-nies.
Huwa rringrazzja lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, kif ukoll lill-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa u lill-MEP Peter Agius għall-ħidma kontinwa tagħhom favur Malta u għall-mod kif qed ikomplu jsaħħu l-vuċi tal-PN fuq livell Ewropew.
Wara l-intervent tiegħu, il-Kap tal-PN kellu diversi laqgħat bilaterali ma’ Membri Parlamentari Ewropej, fejn ġew diskussi temi relatati max-xogħol u l-impjiegi, is-soċjetà ċivili u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.
Aktar tard, Alex Borg iltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Costas Kadis, responsabbli mis-Sajd u l-Oċeani, fejn ġie diskuss il-potenzjal ekonomiku u ambjentali tas-settur tas-sajd f’Malta u l-ħtieġa li l-politika Ewropea tkompli tappoġġja pajjiżi żgħar Mediterranji.
Din iż-żjara uffiċjali fi Brussell – l-ewwel waħda għal Alex Borg – saret bi preparazzjoni għas-Summit tal-PPE li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista mistenni jattendi għalih għall-ewwel darba l-ġimgħa d-dieħla.
Id-delegazzjoni mmexxija mill-Kap tal-PN fi Brussell kienet tinkludi wkoll lix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u lis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea.
//= $special ?>